“Ħadd ma jaħsillek wiċċek biex tkun aħjar minnu” – Mark ta’ 103

Mark Portelli tkellem ma’ Newsbook.com.mt dwar kemm jibża’ mis-solitudni. L-iktar kwotazzjoni li tispirah hi li ħadd ma jaħsillek wiċċek biex tkun aħjar minnu.  Mark huwa wieħed mill-preżentaturi ta’ 103 weekend u jibdielkom il-ġurnata kull nhar ta’ Sibt fis-6am.

Newsbook.com.mt:  Kieku kellek tibdel ismek u kunjomok x’tagħżel?

Mark: Naħseb kieku nibdlu għal isem ta’ wieħed mill-atturi favoriti tiegħi, Dwain Johnson.

Newsbook.com.mt: Liema annimal tassoċja miegħek u għaliex?

Mark: Naħseb li kelb, għax huwa l-ikbar ħabib tal-bniedem u l-aktar annimal li kapaċi jafda.

Newsbook.com.mt: Kulur favorit:

Mark: Jogħġobni ħafna n-navy blue għax narah jixraq ma’ kollox.

Newsbook.com.mt: Kwotazzjoni li ispiratek l-aktar:

Mark:  “Ħadd ma jaħsillek wiċċek biex tkun aħjar minnu”.

Newsbook.com.mt: Liema hu l-iktar Papa li nfluwenzak l-iktar f’ħajtek?

Mark: Bla dubju ta’ xejn huwa l-papa preżenti, il-Papa Franġisku, għax jinżel għal-livell ta’ kulħadd, saħansitra jirrifjuta ċertu lussu żejjed u anke jaħseb ħafna fil-ħaddiema tiegħu.

Newsbook.com.mt: Min xiex tibża’ l-aktar?

Mark: Nibża’ l-iktar mis-solitudni u li nispiċċa waħdi. Nemmen li ħadd mhu maħluq biex ikun waħdu, sal-inqas insett.

Newsbook.com.mt: Kanzunetta li tirritak l-aktar?

Mark: L-iktar li tirritani hija Hero ta’ Mariah Carey, għax fiha wisq qrid għall-gosti tiegħi.

Newsbook.com.mt: Oġġett li ma timmaġinakx tgħix mingħajru:

Mark: Naħseb bħal ħafna, illum ma nimmaġinanix ngħix mingħajr il-mowbajl. Nużah ħafna fix-xogħol tiegħi u jżommni viċin dawk li qegħdin ‘il bogħod minni, avolja kultant jista’ jkun dak l-oġġett li jżommok ‘il bogħod minn ta’ madwarek.

Newsbook.com.mt: Karriera li verament tixtieq jew somma flus?

Mark: Somma flus qatt ma tista’ tirrifjutaha, iżda li jkolli karriera fil-mediċina hija l-ħolma tiegħi.

Newsbook.com.mt: Għaliex 103?

Mark: 103 huwa stazzjon versatili u kapaċi jilħaq kull tip ta’ semmiegħ. Għalija, 103 huwa dak l-istazzjon li kapaċi jagħtik opportunità tikber fil-karriera fuq ir-radju.