Awdjo:”Ħadd ma jaf x’sar mis-€26,000 f’kontribuzzjonijiet lill-Korp”

Permezz ta' kontribuzzjoni minn kull membru tal-Pulizija, l-Assoċjazzjoni tal-Pulizija kellha baġit ta' €26,000 fis-sena. Illum dawn il-flus, li kienu qed jinġabru permezz ta' miżata ta' €4 kull tliet xhur, ħadd ma jaf x'sar minnhom.
Dan qalu l-Ispettur Sandro Camilleri li qed imexxi l-Unjin tal-Pulizija, waqt il-programm Ma' Bundy fuq RTK. Huwa spjega li kull pulizija qed iħallas miżata ta' kważi €14 kull tliet xhur. Il-miżata togħla skont il-grad, hekk kif Spetturi jridu jħallsu mal-€21. Dawn il-flejjes jammontaw għal kważi €120,000 fis-sena, u llum l-Unjin qed tistaqsi fejn marru dawn il-flus.
Camilleri spjega li din il-kontribuzzjoni kienet tmur għall-festini tal-Milied, għall-Police Day u għall-funerali ta' membri tal-korp li jkunu mietu.  Din il-kontribuzzjoni trid sħansitra tibqa' tiġi mħallsa sa wara li jkun intemm is-servizz, sakemm il-persuna tmut. Huwa spjega li jekk tonqos milli tagħti pagament wieħed, il-funeral ma jiġix imħallas mill-Korp u titlef il-pagamenti kollha li tkun għamilt tul is-snin ta' servizz.
Mistoqsi dwar is-€26,000 fis-sena li l-Assoċjazjzoni kienet tieħu u llum il-flus ma jafux x'sar minnhom, l-Ispettur qal li ma sarx awditjar skont il-liġi, u l-korp tal-pulzija stess mhux qed jirrispondi għal mistoqsija ta' fejn marru l-flus.
Huwa saħaq li hemm liġi li kienet tgħid li jekk l-assoċjazzjoni xxolji, il-flus miġbura jmorru għand il-Korp. Camilleri qal li dan jidher li mhux qed iseħħ.