“Ħadd m’għandu jitlef il-ferħ tal-festin” – Il-Papa

L-aħħar quddiesa tiegħu fiċ-Ċilì, il-Papa Franġisku ċċelebraha fil-belt ta’ Iquique f'unur il-Madonna tal-Karmnu li hi l-patruna tal-pajjiż, u ddedikaha għall-integrazzjoni tal-popli u b’riflessjoni fuq it-Tieġ ta’ Kana sejjaħ lill-poplu ta’ dan il-pajjiż biex ikun attent għall-ħtiġijiet ta’ min hu oppress, esplojtjat u min m'għandu xejn u jassigura li dawn “ma jitilfux il-ferħ tal-festin”. 
“Kristu għamel dan, l-ewwel wieħed mis-sinjali tiegħu, f’Kana tal-Galilea”. Dawn kienu l-aħħar kelmiet mill-Evanġelju li kien għadu kif inqara waqt il-quddiesa u l-Papa għamel l-omelija tiegħu bbażata fuq dan il-kliem.
Dan il-kliem jiddeskrivi x’ġara fl-ewwel dehra pubblika ta’ Kristu, waqt festin. Ma setax ikun mod ieħor għax il-Vanġelu hu stedina kontinwa għall-ferħ. Sa mill-bidu, l-Anġlu qal lil Marija “Ifraħ”.  “Ifirħu” qal ukoll lir-rgħajja. “Ifraħ” qal lil Eliżabbetta, mara anzjana li sa dak il-ħin ma kellhiex tfal. “Ifraħ” Kristu qal lill-ħalliel li kien imsallab miegħu “għax illum stess tkun miegħi fil-ġenna”.
Il-messaġġ tal-Vanġelu hu nixxiegħa ta’ ferħ: “Għidtilkom dan biex il-ferħ tiegħi ikun magħkom u l-ferħ tagħkom ikun sħiħ”.
Dan hu ferħ kontaġġjuż, li jgħaddi minn ġenerazzjoni għal oħra, ferħ li aħna writna.
Kemm tafu dwar dan għeżież ħuti mit-tramuntana taċ-Ċilì! Kemm tafu tgħixu il-fidi tagħkom u ħajjitkom fi spirtu festiv! Jien ġejt bħala pellegrin biex ningħaqad magħkom biex niċċelebraw flimkien dan il-mod sabiħ il-fidi tagħna.
Il-festi tal-patruni tagħkom, iż-żfin reliġjuż li kultant idum sejjer għal ġimgħa sħiħa, il-mużika tagħkom, l-ilbies tagħkom, dan kollu jagħmel minn dan ir-reġjun santwarju popolari.
Għax il-festin ma jibqax biss fil-knisja, imma intom tagħmlu l-belt kollha f’festa. Intom tafu tiċċelebraw billi tiżfnu u tkantaw il-paternità ta’ Alla, il-providenza u l-preżenza mimlija mħabba tiegħu.
U dan iġib miegħu wkoll attitudni interna li ma narawhiex daqshekk qawwija f’postijiet oħra: il-paċenzja, is-sinjal tas-salib fil-ħajja ta’ kuljum, il-ftuħ għall-oħrajn, u d-devozzjoni tagħkom.
Hawnhekk il-kliem tal-profeta Isaija jieħu l-ħajja: “Id-deżert isir għalqa kollha frott u din l-għalqa bil-frott titqies bħala deżert”.  Din l-art, imdawra mill-aktar deżert niexef fid-dinja, jirnexxilha tilbes għall-festin.
F’din l-atmosfera ta’ festa, il-Vanġelu jurina kif Marija taħdem biex tara li dan il-ferħ jitkompla. Hi attenta għal kulma qed jiġri madwarha. Bħal omm twajba ma tafx toqgħod kwieta. Għalhekk tinduna, f’nofs il-festa u l-ferħ li tista’ tiġri xi ħaġa li tnaqqas mill-brijju. Tersaq fuq binha u tgħidlu biss: “M’għandhomx inbid”.
Bl-istess mod, Marija tgħaddi mit-toroq u l-ibliet tagħna, mill-pjazez, id-djar u l-isptarijiet.
Marija hi l-Verġni ta’ La Tirana, ta’ Ayquina f’Calama, tar-Rocks f’Arica. Tara dawk il-problemi kollha li jtaqqlu qlubna u mbagħad tgħid f’widnejn Ġesu’: “Ara, m’għandhomx inbid”.
Marija ma tibqax ċassa. Tmur fuq il-qaddejja u tgħidilhom: “Agħmlu dak li jgħidilkom”.
Marija, mara ta’ ftit kliem imma kliem bis-sens, tiġi fuq kull wieħed u waħda minnha u tgħidilna: “Agħmlu dak li jgħidilkom”. B’dan il-mod hi wasslet għall-ewwel miraklu ta’ Ġesù: biex jara li ħbiebu jħossu li huma wkoll parti mill-miraklu.
Għax Kristu “ġie fid-dinja mhux biex jagħmel xi ħaġa waħdu, imma magħna lkoll, ġie biex ikun ir-ras ta’ ġisem kbir li tiegħu aħna ċ-ċelluli ħajja u attivi”.
Il-miraklu jibda malli s-servi iressqu l-ġarar bl-ilma. Hekk ukoll kull wieħed minnha jista jibda l-miraklu; anzi kull wieħed minnha hu mistieden ikun parti mill-miraklu għall-oħrajn.
Ħuti, Iquique hi art tal-ħolm. Art li tat kenn lil irġiel u nisa minn popli u kulturi differenti li kellhom iħallu kollox warajhom u jitilqu dejjem bit-tama li jsibu ħajja aħjar, imma dejjem bil-bagalji lesti bil-biża’ u l-inċertezza dwar il-futur.                  
Dan hu reġjun tal-immigranti li jfakkruna fil-kobor ta’ rġiel, nisa u familji sħaħ li quddiem il-kuntrarju ma ċedewx imma telqu jfittxu ħajja ġdida. Dawn, speċjalment dawk li kellhom jitilqu minn arthom għax ma kellhomx il-ħtiġijiet l-aktar essenzjali għall-ħajja, huma ikon tal-Familja Mqaddsa, li kellhom taqsam deżerti biex tibqa’ tgħix.
Din hi art tal-ħolm. Imma ejja naħdmu biex nassiguraw li tibqa’ art tal-ospitalità. Ospitalità festiva għax nafu ben tajjeb li ma hemm ferħ Nisrani fejn jingħalqu l-bibien; m'hemmx ferġ Nisrani meta ħaddieħor iħossu mwarrab, meta ma hemmx post għalihom fostna.
Bħal Marija f’Kana ejja nagħmlu sforz biex inkunu aktar attenti meta nkunu fil-pjazez u l-bliet tagħna biex ninnutaw lil dawk li ħajjithom spiċċat għax tilfu jew ġew misruqa mir-raġuni għal xiex għandhom jiċċelebraw. 
U ejja ma nibżgħux ngħollu leħinna u ngħidu: “Dawn m’għandhomx inbid”.
Il-karba tal-poplu t’Alla, l-għajta tal-fqir hi forma ta’ talba; tiftħilna qlubna u tgħallimna nkunu attenti. Ejja nkunu attenti għal kull sitwazzjoni ta’ inġustizzja u għal forom ġodda ta’ esplojtazzjoni li jistgħu jwasslu biex ħafna minn ħutna jitilfu l-ferħ tal-festin.
Ejja nkunu attenti għan-nuqqas ta’ impjiegi fis-sod li jkisser il-ħajjiet u l-familji. Ejja nkunu għal dawk li qed jagħmlu qligħ mill-istatus irregolari ta’ ħafna emigranti li ma jafux il-lingwa jew m'għandhomx id-dokumenti meħtieġa. 
Ejja nkunu attenti għan-nuqqas ta’ kenn, dar jew impjieg li għaddejjin minnhom tant familji. U bħal Marija, ejja ngħidu b’fidi qawwija: “Dawn m’għandhomx inbid”.
Bħall-qaddejja tal-festin, ejja noffru dak li għandna, żgħir kemm hu żgħir.
Bħalhom ejja ma niddejqux nagħtu daqqa t’id. J’alla s-solidarjetà tagħna fl-impenn għall-ġustizzja tkun parti miż-żfin u l-kant li nistgħu noffru lil Alla.
Ejja nieħdu l-opportunità u nitgħallmu nagħmlu tagħna il-valuri, l-għerf u l-fidi li l-emigranti jġibu magħhom. Ejja ma ningħalqux għal dawk “il-ġarar” mimlija għerf u storja li ġiebu dawk li jkomplu jiġu f’din l-art.
Ejja ma nċaħħdux lilna nfusna mit-tajjeb kollu li dawn għandhom x’joffru.      
U ejja nħallu lil Ġesù jlesti l-miraklu billi nibdlu l-komunitajiet tagħna u qlubna f’sinjali ħajja tal-preżenza tiegħu, li hi festa u ferħ għax Alla hu magħna u tgħallimna nagħmlulu l-wisa’ fostna. Ferħ kontaġġjuż li jwassalna biex ma neskludu lil ħadd mill-proklamazzjoni tal-Aħbar it-Tajba.
Nitolbu biex il-Madanna, taħt id-diversi titli li għandha f’din l-art imbierka, tkompli tgħid lil Ġesù f’widnejh “M'għandhomx inbid” u kliemha jibqa’ jsib post fina “Għamlu dak li jgħidilkom hu”.