“Ħadd ma għamilna ġustizziera ta’ ħadd” – l-Isqof Mario Grech

Fl-omelija għall-festa ta’ San Pawl, l-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech qal li ħadd ma tana s-setgħa li niġġudikaw lil ħaddieħor.
Waqt l-omelija fil-Knisja parrokkjali ta’ San Pawl Nawfragu, il-Munxar, fl-okkażjoni tal-festa nazzjonali tal-miġja ta’ San Pawl f’Malta, l-Isqof Grech irrifletta fuq kif l-istess żball li għamlu n-nies meta ġġuddikaw lil San Pawl għax rawh mal-ħabsin, għadna nagħmluh aħna meta ngħaddu ġudizzji fuq il-proxxmu tagħna fuq dak li nosservaw minn barra. 
B’referenza għar-reazzjoni negattiva ta’ xi wħud għal-Linji Gwida tas-Sinodu tal-Isqifijiet fuq il-familja, l-Isqof Grech qal li bl-istess mod ma nistgħux niġġudikaw u naħsbu li jekk Alla hu ġust, allura ma hemmx maħfra għal min għamel żball irriversibbli fil-ħajja taż-żwieġ.
Qal li għalhekk ma għandniex għalfejn nitkażaw meta l-Knisja tgħidilna li Alla joffri l-ħniena u l-maħfra anki lil dawk li għamlu xi nuqqas irreparabbli fil-ħajja tagħhom.
L-Isqof temm jgħid li kif jgħallem Missierna San Pawl, hu Alla li salvana bil-grazzja u li aħna salvati mhux bis-saħħa jew il-merti tagħna, imma b’don minn Alla.
Ritratt: Arkivji