“Ħadd ma avviċinani dwar il-ħelsien mill-arrest tal-aħwa Degiorgio”

Aġġornat 02:43 PM

Read in English.

L-eks Imħallef Antonio Mizzi għamel dikarazzjoni lill-Pulizija fejn sostna li ħadd ma avviċinah jew kellmu dwar it-talbiet għall-ħelsien mill-arrest li saru mill-aħwa Alfred u George Degiorgio. L-Imħallef kien ċaħad dawn iż-żewġ talbiet fis-7 ta’ Awwissu tal-2018 u fit-2 ta’ Ottubru tal-2018 rispettivament.

Dan ħareġ fi stqarrija mqassma lill-medja mill-Avukat Stephen Tonna Lowell. Id-dikjarazzjoni kienet reazzjoni tal-imħallef wara rapport li qalu li isem l-eks Imħallef Mizzi kien issemma f’wieħed mir-recordings tal-konverżazzjonijiet bejn Yorgen Fenech u Melvin Theuma.

L-allegazzjonijiet fil-konfront ta’ Mizzi ħarġu fl-aħħar kumpilazzjoni tax-xhieda kontra Yorgen Fenech, sid il-kumpanija 17 Black li qed jiġi akkużat li kien kompliċi fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Fil-5 ta’ Frar Melvin Theuma kien irrakkonta kif l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri kien avviċina lill-eks Imħallef Antonio Mizzi f’isem Joseph Muscat sabiex jirranġa għall-ħelsien mill-arrest tat-tliet irġiel akkużati bl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Wara din l-allegazzjoni, l-eks Imħallef talab minn jeddu sabiex jagħmel dikjarazzjoni lill-uffiċjali prosekuturi fil-każ li hemm miftuħ fil-konfront ta’ Yorgen Fenech. It-talba tiegħu ntlaqgħet u saret id-dikjarazzjoni f’laqgħa mal-Ispettur Keith Arnaud u Kurt Zahra.

“Dan ifisser li Yorgen Fenech gideb lil Melvin Theuma” – Arnold Cassola

Il-kandidat indipendenti Arnold Cassola rringrazzja lill-Imħallef Mizzi tal-kjarifika tiegħu u sostna li dan ifisser li Yorgen Fenech kien qed jigdeb lil Melvin Theuma. Qalu li issa l-investigaturi għandhom jinvestigaw dawn “id-dikjarazzjonijiet foloz” u r-raġuni warajhom.

Hu qal li jinsab kuntent li t-talba tiegħu għal investigazzjoni lill-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja wasslet għal din il-kjarifika.