“Ħadd m’għandu jaqta’ qalbu għax jagħmel żball gravi” – L-Isqof Grech

L-Isqof t’Għawdex, Mario Grech, qal li ħadd m'għandu jaqta' qalbu għax jagħmel żball gravi.
Waqt l-omelija fil-Festa ta’ San Pietru fil-Ktajjen, iċċelebrata fil-Knisja Parrokkjali ta’ San Pietru fil-Ktajjen ta’ Birżebbuġa, Mons Grech ġab analoġija b’San Pietru.
Huwa tkellem dwar kif Ġesù kien jaf li fid-dgħufija tiegħu San Pietru kien ċaħdu kemm-il darba, iżda xorta kien lest jagħtih il-fiduċja u jgħinu jqum fuq riġlejh billi afdalu f’idejh il-merħla tiegħu.
Hawnhekk l-Isqof wissa li s-soċjetà tal-lum mhix tagħmel hekk, għax mhix tagħti l-opportunità lil ħaddieħor jirrijabilita ruħu.
“Ħafna drabi l-qorti tal-poplu tagħti s-sentenza tal-kundanna, imma mbagħad ma tammettix appell!” kompla Mons Grech.
Irrimarka li s-soċjetà Maltija għadha ma temminx biżżejjed fil-qawwa tal-proċess tar-rijabilitazzjoni, u għadha tippreferi li tarmi u tiskarta, milli ssalva lil ħaddieħor.
Filwaqt li enfasizza li jkun ħafna aħjar li, anki bi tbatija, jiġi rkuprat dak il-wieħed li jiżbalja sabiex tkun tista’ tgawdi mill-ħiliet tiegħu, sostna li ebda persuna li tagħmel żball, gravi kemm hu gravi, m’għandha taqta’ qalbha minn Alla.
Ritratti: Arkivji