Ħadd daqs Delia ma jista’ jitkellem dwar ħasil tal-flus – PM

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li ħadd daqs il-Kap tal-Oppożizzjoni ma jista’ jitkellem dwar il-ħasil ta’ flus “hekk kif skont rapporti fil-midja, qed ikun investigat fuq allegazzjonijiet simili”.

Hawnhekk, intervjena Adrian Delia fejn talab point of order biex il-Prim Ministru jirtira l-kumment.

Dan il-battibekk seħħ fil-bidu tad-diskors tal-Prim Ministru waqt id-dibattitu tal-mozzjoni mressqa mill-Gvern dwar ir-rapport tal-awditur ġenerali fuq il-bini tal-powerstation il-ġdida.

“Di Maio diġà hedded li jitfi l-interconnector

Il-Prim Ministru reġa’ ddefenda l-għażla tal-Electrogas billi qal li l-alternattiva kienet li jitħallew mitfuħa l-powerstations tal-Marsa u ta’ Delimara.

Huwa qal li skont direttivi tal-Unjoni Ewropea, kull pajjiż irid ikollu iktar minn sors wieħed ta’ ġenerazzjoni għall-enerġija. Muscat irrimarka li l-Viċi Prim Ministru Taljan di Maio diġà hedded li jitfi l-interconnector u allura Malta ma jistax tkun dependenti fuq l-interconnector biss.

“Mhux b’Google search, imma lanqas bil-Yellow Pages”

Huwa qal li ma jistax jifhem għalfejn l-Oppożizzjoni qed tikkritika l-involviment ta’ kumpanija mill-Ażerbajġan wara li l-Unjoni Ewropea għamlet ftehim strateġiku ma’ dan il-pajjiż.

Muscat qal li mhux veru li l-iskrutinju sar permezz ta’ Google search iżda fi kliemu żgur li l-bidder ma ntgħażilx bil-Yellow Pages, b’referenza għall-powerstation tal-BWSC.