Ħabta twassal għal argument vjolenti fil-Kalkara

Malta Police Force - 5 Apr

Ħabta li ġrat ilbieraħ waranofsinhar fil-Kalkara wasslet għal argument bejn xi nies, u persuna kellha tittieħed l-isptar iżda weġġgħet ħafif.

Kelliem għall-Pulizija informa lil Newsbook.com.mt li skont l-ewwel informazzjoni li daħlitilhom għall-ħabta tas-5.45pm, fl-argument kien hemm involuti madwar 10 persuni. Madankollu, kelliem ieħor spjega dalgħodu illi l-argument kien bejn żewġ persuni wara li kien hemm ħabta bejn żewġ karozzi qrib il-bajja tar-Rinella.

L-argument qam bejn is-sewwieq ta’ karozza minnhom, żagħżugħ ta’ 26 sena mill-Imsida, u passiġġier fil-vettura l-oħra, misjuqa minn żagħżugħa ta’ 26 sena minn Santa Luċija. Il-passiġġier għandu 39 sena u hu residenti Bormla.

Sakemm waslu l-pulizija fuq il-post, is-sitwazzjoni laħqet ikkalmat. Ħadd ma kien se jittieħed l-isptar, fil-fatt ambulanza li waslet fuq il-post ġiet rifjutata, iżda ż-żagħżugħ Misidjan mar iċ-ċentru tas-saħħa, u minn hemm ġie referut għall-isptar.

Hemmhekk irriżulta li għandu ġrieħi ħfief.

Il-pulizija għadhom għaddejjin bl-investigazzjonijiet tagħhom fuq il-każ.