Ħabta Quarry Wharf: Ma ħarġux permessi għall-ħatt tal-kontejners

Google Maps

Read in English.

Ma ħarġux permessi biex jinħattu kontejners fi Quarry Wharf fl-aħħar żmien. Il-Pulizija kkonfermat dan ma’ Newsbook.com.mt wara ħabta f’Lulju.

Wara numru ta’ mistoqsijiet, il-Pulizija spjegaw li l-għassa tal-Belt Valletta ma għandiex rekord ta’ permess tat-tip. Għalhekk, il-Pulizija ħarġu akkużi ta’ ksur ta’ liġi lil dawk li pparkjaw il-kontejner fit-triq mingħajr permess.

Aqra: Kontejners jistgħu jipparkjaw fi Quarry Wharf biex iħottu – Pulizija

Newsbook.com.mt beda jinvestiga l-każ wara inċident riċenti li kien jinvolvi kunsilliera ta’ Ħaż-Żabbar. Il-mara kienet ħabtet fil-kontejner minħabba li ma ratux jokkupa l-karreġjata fil-ħin li kienet tiela’ x-xemx.

Il-Pulizija kienet spjegat li kontejner jista’ jipparkja fi Quarry Wharf biex iħott jew jgħabbi jekk ikollu permess. Skont parti mil-liġi kkwotata mill-Pulizija, il-Kummissarju huwa dak li jikkonferma fejn u fi x’ħin wieħed jista’ jħott jew jgħabbi minn kontejner.

Aqra: “Qed nistennew traġedja; diġà ġraw 5 inċidenti” – Is-Sindku tal-Belt

Is-Sindku tal-Belt, Alfred Zammit kien qal li hu mgħarraf b’ħames inċidenti simili fl-aħħar ħames snin. Qal li l-persuni involuti ħelsuha ħafif. Imma jekk is-sitwazzjoni tibqa’ sejra hekk, qed nistennew li sseħħ traġedja. Min-naħa l-oħra, il-Pulizija qalu li fl-aħħar sitt snin kien hemm inċident wieħed biss irrappurtat. Il-persuna li kienet involuta fih sofriet minn ġrieħi ħfief.

Aqra: “Kelli inċident ikrah minħabba kontejner f’nofs ta’ triq fil-Belt”

Zammit kien qal li Transport Malta trid tieħu azzjoni u tikkontrolla biex dan il-ksur ta’ regoli tat-toroq ma jibqax isir. Transport Malta qatt ma wieġbet il-mistoqsijiet ta’ din il-kamra tal-aħbarijiet.