Ħabta fl-attività tal-White Taxis: “Ma kienx hemm abbuż fis-sewqan”

Il-Kumitat tat-taxis il-bojod qal li l-ebda abbuż fis-sewqan ma kien wara l-ħabta bit-taxis li saret waqt attività tat-tfal il-Ħamis li għadda.

Il-Kumitat insista li din id-dawra kienet immexxija mill-Pulizija, għalhekk żgur ma setax ikun hemm sewqan eċċessiv jew perikoluż, iżda dan kien inċident bejn 4 karozzi li ġara bi sfortuna bħalma jiġri kull inċident ieħor.

Huma fakkru li x-xufiera tilfu l-ġurnata tax-xogħol tagħhom għall-attività u taw donazzjonijiet minn buthom biex iferrħu lit-tfal.

Dan ġara fil-11.30am fi Triq il-Labour. Sors li kien fuq il-post qal lil Newsbook.com.mt li karozza daħlet ġo oħra u kkawżat lil karozza oħra biex tidħol fiha. Dan waqt li kienet għaddejja attività annwali għat-tfal, Malta Taxi Charity Ride, fejn taxis idawru madwar 300 tifel u tifla ma’ postijiet ta’ attrazzjoni f’Malta. Fil-ħin tal-inċident kienu sejrin lejn Splash and Fun Park. Ħadd ma weġġa’ f’din il-ħabta.