Ħabta f’Ħal Luqa tħalli raġel jissielet għal ħajtu

Raġel ittieħed b’emerġenza l-Isptar Mater Dei u qed jissielet għal ħajtu, wara li kien involut f’inċident tat-traffiku f’Ħal Luqa.

Ilbieraħ, għall-ħabta tas-7pm, il-pulizija ġew infurmati li seħħet ħabta fi Triq il-Kbira u li persuna kellha bżonn l-assistenza medika.

Il-Pulizija tad-Distrett marret minnufih fuq il-post, fejn minn investigazzjonijiet preliminari li saru rriżulta li seħħet ħabta bejn vettura misjuqa minn żagħżugħ ta’ 25 sena residenti n-Naxxar u mutur misjuq minn raġel Pakistani.

Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lis-sewwieq tal-mutur l-Isptar Mater Dei għall-kura fejn iktar tard ġie iċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi serji u għalhekk jinsab fil-periklu li jitlef ħajtu.

Bil-każ ġie infurmat l-Maġistrat tal-Għassa Dr Ian Farrugia, li ordna li ssir inkjesta u ħatar diversi esperti sabiex jassistuh. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.