3 l-isptar wara ħabta fir-Rabat

Passiġġier indarab gravi waqt li sewwieqa ta’ żewġ vetturi ħelsuha ħafif f’ħabta fir-Rabat.

Kelliema għall-Pulizija qalet ma’ Newsbook.com.mt li l-inċident  seħħ kmieni dalgħodu ftit qabel il-5am, bejn Land Rover misjuq minn raġel ta’ 29 sena minn San Pawl il-Baħar u karozza misjuqa minn żagħżugħ ta’ 19–il sena mill-Mellieħa, li miegħu kien hemm passiġġier żagħżugħ ieħor ta’ 18–il sena mill-Gżira.

Bil-ħabta, il-Land Rover inqaleb u spiċċa rasu ’l isfel.

Il-Pulizija qalet li fuq il-post issejjaħ tim mediku li ħa lit-tliet persuni l-Isptar Mater Dei. Huma ġew iċċertifikati li qed isofru minn ġrieħi ħfief, filwaqt li l-passiġġier ta’ 18-il sena weġġa’ gravi.

It-triq ingħalqet għat-traffiku miż-żewġ naħat.