​Ħabta bejn żewġ ajruplani f’Toronto

Żewġ ajruplani ħabtu flimkien mal-art fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Pearson f’Toronto.
L-inċident seħħ ilbieraħ filgħaxija u kkawża nar żgħir. B’konsegwenza ta’ dan għadd ta’ passiġġiera kellhom jevakwaw l-ajruplan.
Skont il-midja internazzjonali, l-ajruplan ta’ Sunwing Airlines ħabat ma’ ajruplan ta’ WestJet li kien għadu kif wasal. Abbord dan l-aħħar ajruplan kien hemm madwar 170 persuna. Ma kien hemm l-ebda passiġġiera jew membri tal-ekwipaġġ fuq l-ajruplan ta’ Sunwing.
Numru ta’ fire-engines u ambulanzi marru fuq il-post malli beda n-nar. Nies fuq il-post qalu li xi passiġġiera kellhom jużaw il-ħruġ u ż-żurżieqa tal-emerġenza tal-ajruplan biex jaħarbu.
Minn dawk li kienu fuq l-ajruplan, ħadd ma weġġa’. Madanakollu, uffiċjal mit-taqsima tat-tifi tan-nar u l-emerġenza tal-ajruport kellu jittieħed l-isptar.