Aġġornata (3): Tmut tifla ta’ 10 snin f’ħabta bejn 2 karozzi fil-Manikata

Tifla ta’ 10 snin mietet wara li kienet involuta f’ħabta bejn żewġ karozzi fil-Manikata.

Kelliem għall-Pulizija qal ma’ Newsbook.com.mt li l-inċident seħħ għall-5.35 pm fil-Manikata.

Fi stqarrija, il-Pulizija qalet li l-inċident seħħ fi Triq tal-Prajjet fil-Mellieħa. Waħda mill-karozzi kienet qed tinstaq minn raġel ta’ 49 sena mill-Imtarfa. It-tifla li mietet kienet riekba fil-karozza miegħu.

Il-karozza l-oħra kienet misjuqa minn mara ta’ 35 sena residenti l-Mellieħa.

Fi stqarrija oħra, il-Pulizija qalet li fil-vettura misjuqa minn raġel kien hemm ukoll tifla oħra li wkoll kellha 10 snin. It-tifla flimkien max-xufier ittieħdu l-isptar Mater Dei għall-kura.

Fuq il-post it-tifla ta’ 10 snin dehret li kellha ġrieħi serji u ttieħdet l-isptar b’ambulanza. Il-Pulizija qalet li aktar tard it-tifla mietet.