Ħabsin Palestinjani bi strajk tal-ġuħ

Ħabsin Palestinjani f’ħabsijiet Iżraeljani bdew strajk tal-ġuħ bħala protesta kontra l-kundizzjonijiet diżumani li huma miżmuma fihom, hekk kif illum jaħbat Jum il-Ħabsin Palestinjani.
Madwar 1,500 huma rrappurtati li mhumiex jaċċettaw l-ikel mogħti lilhom, hekk kif skonthom m’hemmx drittijiet bażiċi f’dawn il-ħabsijiet.
Il-protesta hija mmexxija minn Marwan Barghouti, mexxej Palestinjan li ħafna jaraw bħala s-suċċessur ta’ Mahmoud Abbas, il-President attwali tal-Istat tal-Palestina.
Barghouti qed jiskonta sentenza ta’ għomor il-ħabs akkużat bil-qtil ta’ ħames persuni.
Hu mifhum li b’kollox hemm mas-7,000 Palestinjan fi strutturi ta’ detenzjoni Iżraeljani.
Filwaqt li għall-Iżraeljani dawn il-persuni huma kriminali, għall-Palestinjani dawn huma ħabsin politiċi.
Fir-ritratt: Marwan Barghouti