​Ħabsin li jkunu ħadu droga minoranza assoluta

Minn informazzjoni li tqiegħdet fuq il-Mejda tal-Kamra, jirriżulta li huma ftit ħafna dawk il-ħabsin li jkunu rriżultaw pożittivi għad-droga.
Minn testijiet li saru fl-2013 u fl-2014, ħareġ li kien hemm biss 56 fl-2013 u 109 oħra fl-2014 li rriżultaw pożittiv għad-droga.
Dan filwaqt li 1,050 resident tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin li ġew ittestjati fl-2013 u 928 oħra fl-2014 irriżultaw li ma kellhom ebda traċċa ta’ droga.
F’termini perċentwali, dan ifisser li fis-sentejn li għaddew minn fost dawk il-ħabsin li qagħdu għat-test tad-droga, kien hemm 5% li rriżultaw pożittivi fl-2013 u 10% fl-2014.
Kien hemm ukoll 17-il resident fl-2013 u 18-il resident ieħor fl-2014 li rrifjutaw li jsirilhom it-test.
Il-Ministru tal-Intern Carmelo Abela, li kien qed iwieġeb għal Mistoqsijiet Parlamentari tad-deputat Laburista Anthony Agius Decelis, fisser li f’każ li ħabsi jirrifjuta dan it-test jew jinstab pożittiv għad-droga, awtomatikament jittieħdulu l-privileġġi kollha u jeħel remission.
Fis-sentejn li għaddew, instabu wkoll seba’ viżitaturi li kienu se jidħlu jżuru xi priġunieri u li fuqhom kellhom id-droga.
Fi tliet każijiet, il-viżitaturi tal-ħabs kellhom eroina, waqt li f’żewġ okkażjonijiet oħra kellhom il-kannabis. Kien hemm persuna f’April 2013 u oħra f’Mejju tal-istess sena li ppruvaw idaħħlu pakkett imdawwar fil-plastik u kwantità ta’ ħaxixa rispettivament.
Il-Ministru spjega li f’kull każ fejn tinstab id-droga, issir inkjesta u investigazzjoni mill-Pulizija. Il-viżitaturi jiġu wkoll sospiżi milli jidħlu fil-ħabs għal ċertu żmien indefinit.
Qal ukoll li bejn Ottubru tal-2013 u Diċembru li għadda, saru 2,829 spezzjoni fid-diviżjonijiet differenti tal-ħabs b’rabta ma’ droga. F’xi okkażjonijiet intużaw ukoll il-klieb tal-Pulizija. Anke f’dan il-każ, kull meta tinstab id-droga l-Pulizija tinvestiga u tieħu l-passi meħtieġa skont il-liġi.