Ħabsi marid bil-kliewi u qed jiggrava…jgħidulu biex jistenna

Ħabsi li ilu x-xhur jistenna biex joħroġ mill-ħabs sabiex jirċievi l-kura minħabba mard fil-kliewi dalgħodu mar il-Qorti għal xejn, u qalulu biex jistenna xahar ieħor għax wieħed mit-tliet imħallfin kien indispost.
F’April li għadda Christopher Bartolo, ta’ 36 sena mill-Fontana, kien ingħata ħames snin ħabs u multa ta’ €15,000 mill-Qorti Kriminali wara li wieġeb ħati li ttraffika 1.5kg kannabis.
Il-priġunier diġà talab biex jingħata l-ħelsien mill-arrest minħabba l-kundizzjoni prekarja ta’ saħħtu, liema talba kienet ġiet irrifjutata f’Awwissu li għadd.
Għaldaqstant, l-avukati tad-difiża kienu fetħu kawża konstituzzjonali għax saħqu li r-raġel ma ngħatax id-dritt għal smigħ xieraq, hekk kif ma tħalliex ikollu miegħu avukat waqt li kien qed jiġi interrogat mill-Pulizija.
L-Imħallef Jacqueline Padovani Grima, li kienet qed tisma’ l-każ, kienet iddikjarat li Bartolo kellu jingħata smigħ ġust u għaldaqstant tagħtu ċ-ċans li jbiddel ir-risposta tiegħu wara li ammetta li kien ħati tat-traffikar tad-droga.
Iżda l-Avukat Ġenerali kien appella għad-deċiżjoni ta’ Padovani Grima, u dan l-appell qed jinstema’ mill-Prim Imħallef Silvio Camilleri u l-Imħallfin Giannino Caruana Demajo u Noel Cuschieri.
Bartolo kien anki bagħat ittra lill-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca, sabiex din titlob li jinħeles mill-arrest, iżda l-avukati tiegħu qalu li mit-13 ta’ Diċembru meta l-ittra ntbagħtet, ma rċevew ebda tweġiba.
Anki l-Ministru għall-Ġustizzja, Owen Bonnici, qal li għalkemm għad ma pproponiex il-parir tiegħu dwar ilkaż, qed jagħtig importanza.
Sadanittant, tabib imqabbad mill-Qorti ċċertifika li saħħet il-ħabsi marret għall-agħar fil-magħluq.