Ħabs għall-ħalliel li r-ritratt tiegħu spiċċa jdur fuq Facebook

Ir-raġel li pprova jisraq anzjana li kienet pronta ħaditlu ritratt, ingħata sentenza ta’ sentejn ħabs.
Fabrizio Carucci, li għandu 50 sena, huwa Taljan li ma għandu l-ebda indirizz fiss f’Malta.
Il-Ħadd li għadda, l-anzjana sabitu jdur fid-dar tagħha f'Birkirkara.
Ir-ritratt tiegħu malajr dar fuq il-midja soċjali wara li kien ippowstjat fuq Facebook minn bint il-vittma.
Il-mara marret fuqu, staqsietu x’qed jagħmel waqt li ppruvat teħodlu lura l-baskett li ħadilha u saħansitra ħaditlu ritratt. 
Ir-raġel ġie arrestat ftit tal-ħin wara.
Huwa wieġeb ħati tal-akkużi kollha miġjuba kontrih.
L-Ispettur semma kif ir-raġel kien qed jiskonta sentenza sospiża u kiser il-kundizzjonijiet imposti fuqu meta ngħata l-libertà proviżorja.
L-avukat tad-difiża qal li l-klijent ibati mill-vizzju tad-droga u li sa issa għadu ma ngħata l-ebda għajnuna. 
Il-Maġistrat Neville Camilleri talab lid-Direttur tal-Ħabs biex jagħti l-għajnuna lill-akkużat u anke jgħinu jlesti programm ta’ rijabilitazzjoni.