Ħabs għal żgħażagħ li użaw passaporti foloz

Tliet żgħażagħ weħlu sentenza ta’ priġunerija għax inqabdu jużaw passaporti foloz.

It-tliet żgħażagħ tressqu l-qorti llum quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud. Wieħed minnhom, mill-Kamerun, li għandu 25 sena, weħel sitt xhur ħabs, filwaqt li ż-żewġ Somali ta’ 16-il sena weħlu tliet xhur ħabs kull wieħed.

Il-Maġistrat Joe Mifsud ikkummenta dwar kif ma tgħaddix ġurnata xogħol mingħajr każ bħal dan. Huwa qal li jrid ikun hawn kordinazzjoni aħjar fil-ġlieda kontra t-traffikanti tal-bnedmin. Qal, iżda, li quddiem il-Qorti dejjem ikun hemm il-vittmi ta’ dan l-sfruttament, u mhux il-kriminali warajh li jorganizzaw il-vjaġġ klandestin u jagħtu d-dokumenti foloz lil dawn in-nies.

Saħaq li huwa ċar ħafna li hemm diversi organizzazzjonijiet kriminali li qed jaħdmu ma’ stati Afrikani, mal-Libja u ma’ pajjiżi Ewropej bħall-Italja.