Ħabs għal 2 irġiel li serqu d-dettalji tal-kards mill-ATMs

Żewġ irġiel ingħataw sentenza ta’ 11-il sena ħabs bejniethom talli nstabu ħatja li wettqu frodi f’numru ta’ ATMs f’diversi pajjiżi. Huma nqabdu permezz ta’ investigazzjoni bejn il-Pulizija Maltija u Europol.

Iż-żewġ Bulgari ġew akkużati bi frodi, billi użaw apparat li jiddaħħal fejn jiddaħħlu l-kards ġol-ATMs u jaqra u jikkopja l-informazzjoni mill-kards tal-klijenti. Ma’ dan l-apparat normalment ikun hemm kamera moħbija sabiex jinġibdu filmati tal-klijenti jdaħħlu l-PIN fil-magna.

Il-każ imur lura għal Diċembru tal-2017 meta l-Pulizija rċeviet informazzjoni mill-awtoritajiet Bulgari li ż-żewġ irġiel kienu responsabbli għal dan il-frodi fil-Bulgarija u f’diversi pajjiżi oħra. Huma kienu ġew arrestati fil-Vijetnam fl-2013, iżda l-awtoritajiet infurmaw lill-Pulizija li kienu fi triqthom lejn Malta fuq titjira tal-Wizz Air, x’aktarx biex jaqbdu l-katamaran lejn Sqallija u jagħmlu l-istess frodi f’Napli. Peress li ma kinux qatgħu biljetti għal Sqallija, il-Pulizija ssuspettaw li l-irġiel kienu se jwettqu l-istess qerq fl-ATMs f’Malta.

Ġew arrestati fil-lukanda fejn kienu qed joqogħdu f’San Ġiljan fis-16 ta’ Diċembru tal-2017 waqt rejd mill-Pulizija. Ġol-bagalja ta’ wieħed mill-irġiel instab l-apparat. Fil-bagalja tal-ieħor instab laptop, hard disk estern u għadd ta’ pen drives.

Waqt l-interrogazzjoni, l-irġiel ċaħdu involviment kriminali. Wieħed minnhom allega li l-apparat kien ta’ sieħbu li sellfu l-bagalja tiegħu. Wieħed qal li ġew Malta biex jiċċelebraw għeluq snin wieħed minnhom u ċaħdu li ġew arrestati fil-Vijetnam. L-ieħor qal li ġie Malta għax sab offerta tajba u ma semmiex ċelebrazzjonijiet.

Il-Maġistrat Joe Mifsud qal li l-evidenza kollha meħtieġa kienet hemm biex turi li ż-żewġ irġiel huma ħatja. L-espert tekniku tal-Qorti, Dr Martin Bajada, sab filmati mill-ATMs u mijiet ta’ fajls li jammontaw għal 1.2 terabytes. Instab li l-irġiel kienu fil-pussess tad-dettalji tal-kards ta’ 59 klijent.

Mifsud osserva li kien hemm elementi ta’ ftehim kriminali u nnota li l-akkużati ġew Malta biex iwettqu pjan li kien ġie miftiehem qabel, barra minn Malta.

Il-Qorti sabet lill-irġiel ħatja u tathom sentenza ta’ sitt snin u ħames snin ħabs. Iridu jħallsu wkoll €3,101.