“Ħabib sinċier u xempju tal-irġulija” – Il-kollegi ta’ Prof. Friggieri

Dipartiment tal-Malti Università
Facebook

Il-kollegi ta’ Prof. Oliver Friggieri, il-membri tad-Dipartiment tal-Malti fl-Università ta’ Malta, iddeskrivewh bħala “ħabib sinċier u xempju tal-irġulija.”

Fi stqarrija maħruġa mid-Dipartiment, il-letturi tal-Malti sellmu lill-kittieb, poeta u akkademiku, li miet fil-21 ta’ Novembru fl-età ta’ 73 sena. Huwa ngħata l-aħħar tislima waqt funeral organizzat mill-Istat jumejn ilu.

Il-letturi qalu li Prof. Friggieri kien “punt ta’ riferiment,” kemm bħala lettur dedikat u riċerkatur, kif ukoll bħala bniedem. Kif semmew diversi studenti fil-kitbiet tagħhom dwaru, il-letturi qalu li l-bieb tal-uffiċċju ta’ Prof. Friggieri kien dejjem miftuħ għal kulħadd, u l-uffiċċju tiegħu se jibqa’ jfakkar lill-kollegi tiegħu “fil-valuri umani mill-isbaħ li ħaddan fil-ħajja tiegħu ta’ kuljum fostna.”

Il-bieb tal-uffiċċju ta' Prof. Friggieri; Ritratt: Sephora Francalanza
Il-bieb tal-uffiċċju ta’ Prof. Friggieri; Ritratt: Sephora Francalanza
L-aħbar tal-mewt ta’ Prof. Friggieri
Imut il-kittieb u akkademiku Oliver Friggieri

Il-membri tad-Dipartiment li jagħmel parti mill-Fakultà tal-Arti xtaqu jfakkru l-kontribut ta’ Prof. Friggieri fil-kamp akkademiku, fil-ħidma letterarja, u fil-kultura u s-soċjetà Maltija inġenerali.

Fl-Università

Prof. Oliver Friggieri beda l-karriera tiegħu fl-Università ta’ Malta fl-1978. Għal 16-il sena, mill-1988 sal-2004, kien il-Kap tad-Dipartiment tal-Malti. F’dan il-perjodu, barra li fassal u għallem bosta suġġetti marbutin mal-letteratura Maltija, ħareġ kotba dwar it-teorija u l-kritika letterarja, ippubblika aktar minn 250 studju tal-kritika f’kotba u rivisti akkademiċi, u ppreżenta r-riċerka tiegħu f’bosta kungressi internazzjonali.

Dr George Farrugia, il-Prof. Albert Borg

Posted by Dipartiment tal-Malti, L-Università ta' Malta on Tuesday, December 18, 2018

L-istudji tiegħu

Minbarra l-ġabra definittiva tax-xogħlijiet poetiċi tal-Poeta Nazzjonali, Prof. Friggieri ġabar ukoll il-prinċipji u s-sorsi ewlenin tal-poetika Dunkarmjana, u ppubblika studji kritiċi speċjalizzati fuq xogħlijiet fundamentali ta’ Dun Karm, bħall-edizzjoni annotata tal-poema Il-Jien u Lil Hinn Minnu (1988). Bid-Dizzjunarju ta’ Termini Letterarji, mhux biss kabbar ir-reġistru, l-idjoma, u l-metodoloġija tal-kritika letterarja bil-Malti, iżda wkoll eżemplifika d-definizzjonijiet b’siltiet mid-diversi perjodi u ġeneri tal-letteratura Maltija, li jixhdu kuxjenza letterarja nazzjonali li kienet ilha li evolviet mekkaniżmi letterarji studjati u mogħtijin isem tekniku fi tradizzjonijiet letterarji barranin.

Id-diversi studji u konferenzi kritiċi ta’ Prof. Friggieri jibqgħu, għal bosta qarrejja Maltin u barranin, kemm sorsi awtorevoli ta’ stħarriġ fl-idjoma letterarja Maltija, kif ukoll mudell ta’ artikulazzjoni akkademikament sofistikata. Il-kunċettwalizzazzjoni tiegħu dwar l-idea tal-letteratura se tibqa’ punt ta’ referenza fundamentali għal ġenerazzjonijiet ġodda ta’ riċerkaturi fl-oqsma tal-kritika u tal-letteratura Maltija.

Friggieri l-kittieb

Apparti s-sehem ċentrali li kellu fit-tagħlim, fir-riċerka u fl-amministrazzjoni universitarja, Prof. Friggieri minn kmieni stabbilixxa ruħu bħala wieħed mill-kittieba ewlenin ta’ wara l-Indipendenza.

Kiteb għadd kbir ta’ rumanzi, novelli, ġabriet ta’ poeżiji, antoloġiji, oratorji, għanjiet u innijiet. Parti ġmielha minn din il-varjetà ta’ ġeneri letterarji nqalbet għal lingwi oħrajn, bħall-Ingliż, ir-Russu, il-Finlandiż, l-Għarbi, it-Taljan, l-Ungeriż u l-Grieg, u ġiet ukoll ippubblikata f’numru ta’ pajjiżi. Xi xogħlijiet ġew addattati għall-palk u għat-televiżjoni, u wħud mill-poeżiji tiegħu ġew inklużi f’avvenimenti prominenti ta’ reċitazzjoni poetika madwar l-Ewropa. Il-firxa u l-profondità tal-kontribut letterarju tal-Prof. Friggieri jidhru minnufih mit-teżijiet universitarji u l-pubblikazzjonijiet lokali u internazzjonali li nkitbu dwaru, fosthom artiklu fuqu bħala figura letterarja dinjija prinċipali tas-seklu għoxrin fl-Encyclopedia of World Literature in the Twentieth Century (1999).

Friggieri t-traduttur

Prof. Friggieri qaleb għall-Malti xogħlijiet importanti bħad-De Arte Poetica ta’ Orazju, it-traġedji klassiċi ta’ Sofokle u Ewripide, kitbiet teatrali bħal Il-Ħanut tal-Arġentier ta’ Karol Wojtyla, u xogħlijiet narrattivi, bħal Għajn ix-Xemx ta’ Francis Ebejer u Jum Sabiħ tar-Rebbiegħa ta’ Ciril Kosmač.

Il-premji

Matul din il-karriera twila, prolifika, u influwenti fl-oqsma tat-tagħlim, tar-riċerka u tal-pubblikazzjoni, Prof. Friggieri sar awtorità akkademika lokalment u internazzjonalment, kif jixhdu, fost l-oħrajn, il-bosta premjijiet u onorifiċenzi li kiseb tul is-snin, bħall-Premio Mediterraneo Internazionale (Palermo, 1988), il-Malta Government Literary Award (1988, 1996, 1997), il-Premio Roma (2016) u Ġieħ l-Akkademja tal-Malti (2016). Fl-1999 sar membru tal-Ordni Nazzjonali tal-Mertu u fl-2012 Ufficiale Al Merito della Repubblica Italiana.

Poeżija miktuba mill-kollega tiegħu Prof. Manwel Mifsud
“Magħruf imma ma jħobbx jidher” – poeżija dwar Prof. Friggieri

Għax iddedika ħajtu għal din il-karriera profikwa, il-Prof. Friggieri stabbilixxa ruħu bħala studjuż u ħassieb imfittex għad-dehen tiegħu, u persunaġġ intellettwali sikwit mistieden biex jikkontribwixxi f’diskussjonijiet ta’ importanza nazzjonali. Bil-kitbiet letterarji tiegħu, bl-intervisti li kien jagħti fuq ir-radju u fit-televiżjoni, u bl-artikli li regolarment kien jippubblika fil-gazzetti bil-Malti u bl-Ingliż sar, għal ħafna ċittadini Maltin, vuċi li tirrappreżenta lin-nazzjon fis-sensibilitajiet soċjali, politiċi, u kulturali tiegħu.

Id-Dipartiment temm il-messaġġ tiegħu billi rringrazzja lil Prof. Friggieri ta’ kulma għamel. L-istqarrija hija ffirmata “Sħabek, Adrian, Albert, Arnold, Bernard, Chris, George, Immanuel, Manwel, Michael u Olvin.”

Il-funeral ta’ Prof. Friggieri
Filmat: Malta ssellem lil Prof. Oliver Friggieri