“Ħabib, kollox sew?” – telefowns f’postijiet popolari għas-suwiċidju

Crisis Resolution Malta qed jaħdmu fuq proġett ġdid fejn telefowns speċjali jitpoġġew f’postijiet popolari għas-suwiċidju f’Malta.

Hekk qal il-konsulent tal-kriżijiet, u mexxej ta’ Crisis Resolution Malta, Dr Mark Xuereb, ma’ Newsbook.com.mt.

Huwa spjega kif dan se jkun telefown partikolari, fejn ikun jixgħel biex jidher bil-lejl. Dan ikollu kemm messaġġ pożittiv sabiex min jinsab fi kriżi jaqbad it-telefown u jċempel lill- Crisis Resolution Malta għall-għajnuna, u kif ukoll kamera.

Il-kamera, li tkun magħmula sabiex tiġbed anka fid-dlam, tkun qed tiġbed b’mod li jidher il-filmat dak il-ħin fiċ-ċentru tal-kriżi, fejn ikun hemm professjonist li qed jara lill-persuna. Mat-telefown ikun hemm ukoll speaker fejn il-professjonist, li qed jara lill-persuna tiddelibera att ikrah, jista’ titkellem u jgħidlu, “isma ħabib, kollox sew?”

Fiċ-ċentru ta’ kriżi se jkun hemm ukoll buttuna speċjali li tintgħafas sakemm il-professjonist qed ikellem lill-persuna. Din il-buttuna tibgħat ambulanza speċjali li tissejjaħ crisis response vehicle, sabiex tgħin fuq il-post.

Dr Xuereb żied jgħid li hemm daqs 7 postijiet popolari f’Malta fejn jaqbżu għall-isfel f’att ta’ suwiċidju.

Dr Xuereb imexxi l-unika tim f’Malta li joffri servizz ta’ appoġġ 24 siegħa kuljum. Qal li t-tim għandu linja tat-telefon (99339966) kif ukoll imejl (crisismalta@gmail.com). Spjega li dawn kollha huma għodda biex titqajjem aktar kuxjenza u titneħħa l-istigma.

It-tim għandu wkoll paġna fuq Facebook li tista’ ssibha hawn.

Dr Xuereb qal li t-telefonati jitwieġbu mill-ewwel u li s-servizz ta’ konsultazzjoni huwa b’xejn. Qal li t-tim ta’ voluntiera li jwieġbu t-telefown huma kollha professjonisti.

Jekk għaddej minn tbatija u għandek ħsibijiet dwar suwiċidju ċempel lil Crisis Resolution Malta fuq 99339966. Issib professjonisti lesti biex jgħinuk 24 siegħa kuljum.