Ħabat bil-mutur u ħebb għall-Assistent Kummissarju; meħlus mill-arrest

CMRU

Raġel li allegatament ippanikja wara li kien involut f’inċident tat-traffiku meta kien xurban u qed isuq mutur bla assigurazzjoni ċaħad l-akkużi kontrih fil-qorti. Huwa ċaħad ukoll li ħebb għal żewġ uffiċjali tal-pulizija, wieħed minnhom l-Assistent Kummissarju Alexander Gatt.

In-Niġerjan ta’ 31 sena joqgħod Birżebbuġa. Huwa tressaq quddiem il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Nadine Lia llum, fejn ġie akkużat li ħebb u weġġa’ ħafif lil żewġ uffiċjali, li heddidhom, li saq mingħajr liċenzja jew assigurazzjoni meta kien xurban u li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.

L-akkużat wieġeb mhux ħati u talab il-ħelsien mill-arrest. Meta l-pulizija avviċinawh, l-akkużat kien qed jippanikja għax kien għadu kif ħabat u kellu anke xi ġrieħi fil-kustilji bil-ħabta, skont l-Avukat Gianluca Caruana Curran. L-Avukat qal ukoll li l-ġrieħi li kkawża kienu ħfief, u x-xhieda kollha kienu uffiċjali tal-pulizija, jiġifieri ma kellhomx għalfejn jinkwetaw li titbagħbas l-evidenza jekk jinħeles l-akkużat.

L-Ispettur tal-Prosekuzzjoni Roderick Attard oġġezzjona għall-ħelsien mill-arrest, u insista li l-fatt li l-akkużat qed jiġi akkużat ukoll li kiser il-kundizzjonijiet ta’ qabel juri li mhux ta’ min jafdah.

Il-Maġistrat aċċettat it-talba għall-ħelsien mill-arrest, b’depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €10,000. Hu jrid jiffirma l-għassa u jsegwi l-ħinijiet li tatu l-Qorti biex joħroġ.