“Ħa nagħtik 10 issa, ejja għal 30 għada” – Wieħed mill-SMS li indika traffikar

Image by Steve Buissinne from Pixabay

Raġel ta’ 35 sena residenti Marsalforn intbagħat tliet snin u nofs ħabs wara li nstab ħati li ttraffika l-kannabis u l-kokaina, kif ukoll li kien riċediv. L-akkużi ġew ikkonfermati permezz ta’ messaġġi fuq il-mowbajl tiegħu kif ukoll minn oġġetti u droga li nstabu f’kamra magħluqa b’katnazz, u li kollha jindikaw traffikar.

Quddiem il-Qorti ta’ Għawdex instema’ kif f’Jannar tal-2018, il-Pulizija rċeviet informazzjoni  kunfidenzjali, li l-imputat kien qed jittraffika d-droga mill-appartament fejn kien joqgħod. Intqal li wara li l-Pulizija arrestat lir-raġel, dan ittieħed l-isptar għax qal li qed iħossu ma jiflaħx.

Il-Pulizija ta’ Għawdex għamlet tfittxija fl-appartament, fil-preżenza tas-sieħba tal-akużat u oħtu, li kienu jgħixu miegħu. F’kamra maqfula b’katnazz, li ċ-ċwievet tagħha kienu f’idejn l-imputat biss, sabu miżien diġitali, sikkina u numru mdaqqas ta’ boroż żgħar li ġeneralment jintużaw biex timtela d-droga kokaina fihom. Sabu wkoll 42 gramma kannabis u 10.5 gramma kokaina.

Barra minn hekk, fil-mowbajl tiegħu sabu diversi SMS* li juru li r-raġel kien qed jittraffika l-kokaina:

  • Aqqad 100 u nitlalek oc cirkewwa meta dak
  • jien biex in inehi ghawdex u mhux alija 10 u tkun ekk kif taqdi mhux wertit alija
  • bongu gan int ha tkun malta dalodu bhal birah filkas addi newili 20 bhal birah cempili fuq tiji filkas
  • ima boros ridom int”
  • amilom 17? 40 ek linqas king li nista,“17 xix ima grami?”, “heq mela”, “U 40 hat tijomli? Daqt nasal”, “le han tik 10 issa umbad ejja al 30 ada ax lohrajn edin il garax

*L-SMS qed jiġu riprodotti eżatt kif intbagħtu

Minbarra sentenza priġunerija, il-Maġistrat Joe Mifsud ordnalu jħallas multa ta’ €1,000 kif ukoll €4,293 fi spejjeż tal-esperti tal-Qorti.

Il-Maġistrat Mifsud ordna li d-droga tiġi distrutta. Faħħar lill-Pulizija li b’riżultat tal-investigazzjonijiet tagħhom, ġie mkisser ċirku ieħor ta’ droga.

Il-Prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispettur Bernard Charles Spiteri. B’kollox kien hemm 10 xhieda, fosthom l-imputat.