Il-Gvern jikkonferma li t-12-il vittma tal-Covid-19 ħareġ pożittiv waqt li kien l-isptar

Aġġornat 10:48 AM

Il-familja tgħid li d-data tad-dħul fl-isptar u l-età ma jaqblux.

Miguela Xuereb

Read in English.

Il-familja tat-tnax-il vittma tal-Covid-19 f’Malta qalet li r-raġel ħa l-corornavirus wara li ddaħħal fl-isptar Mater Dei. Intant, fi stqarrija, il-Ministeru għas-Saħħa sostna li r-raġel ħareġ pożittiv waqt li kien jinsab rikoverat fl-Isptar Mater Dei.

Fi stqarrija, il-qraba tal-vittma qalu lill-midja lokali li l-anzjan iddaħħal l-isptar fis-16 ta’ Awwissu u dakinhar is-Swab Test kien ħareġ negattiv. Il-familja tal-vittma qalet ukoll li l-fatti kif stabbiliti u rrappurtati huma kompletament ħżiena.

Il-Gvern fi stqarrija ppubblikata l-Ħadd filgħaxija qal li r-raġel iddaħħal l-isptar fit-23 ta’ Awwissu u rriżulta pożittiv fl-24 ta’ Awwissu wara li saritlu Swab Test ta’ rutina kif isir fuq il-pazjenti kollha li jidħlu fl-isptar Mater Dei.

Il-familja qalet ukoll li kuntrarju għal dak ippubblikat mill-Gvern, ir-raġel kien għadu kemm għalaq 85 sena mhux 86 sena.

Il-Gvern “jikkjarifika”

L-Uffiċċju tad-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħareġ stqarrija li fiha qal li jrid “jikkjarifika”. Intqal li l-pazjent li miet kien iddaħħal l-ewwel darba fl-Isptar Mater Dei fid-9 ta’ Awwissu. Mingħajr ma jingħad meta sar l-ewwel Swab Test, il-Gvern qal li dan sar skont il-prassi u ħareġ negattiv.

Il-Gvern qal ukoll li l-pazjent miet ilbieraħ it-Tnejn 31 ta’ Awwissu meta l-istqarrija dwar il-mewt tar-raġel ħarġet il-Ħadd 30 ta’ Awwissu.

Stqarrija ppubblikata llum.