Ħa jixwina San Lawrenz!

L-Uffiċċju Meteoloġiku tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ħareġ twissija fuq it-temperatura tal-lum li mistennija titla’ sa 36 grad Celsius iżda tista’ tinħass sa’ 42 grad.
Illejla t-temperatura se tinżel sa 25 grad, b’dik tal-baħar se tkun grad aktar sħuna.
Ir-riħ skun se jiġi mill-Punent għall-Majjistral fejn sa filgħaxija jista’ jiżdied xi ftit għall-moderat.
Jekk illum is-sħana, għada mhux b’inqas. It-temperatura filgħodu se tkun 37 grad Celsius u bħal-lum se tinħass 42 grad.
Skont Firsmalta dan se jseħħ minħabba li l-livelli ta’ umdità u minħabba r-riħ li se jkun mill-Punent Forza 2 għal 3 li jsir Punent Majjistru Forza 3 għal 4. Dan se jwassal biex inħossu aktar sħana.
Matul il-ġimgħa ta’ San Lawrenz, li ħafna jassoċjawha mas-sħana, anke minħabba l-martirju li rċieva l-istess qaddis li ġie mixwi fuq gradilja, it-temperaturi se jibqgħu għoljin.
Skont l-Uffiċċju Meteoloġiku, sa nhar l-Erbgħa, it-temperatura medja se tibqa’ dik ta’ 36 grad u tibqa’ tinħass bejn 41 u 52 grad Celsius.
Dan it-temp xemxi u sħun jikkuntrasta sew ma’ dak ta’ sentejn ilu, meta fil-ġimgħa ta’ San Lawrenz kienet għamlet maltempata kbira, bir-riħ u x-xita, tant li fil-Birgu kienet tħassret il-purċissjoni tal-festa titulari tal-istess qaddis.
Ma’ Newsbook.com.mt Paula Vassallo, Direttur għall-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard ħeġġet lil kulħadd, speċjalment l-anzjani u dawk li jaħdmu fuq barra biex jixorbu ħafna ilma, anke meta ma jkollhomx għatx.
Dr Vassallo appellat ukoll biex bejn l-10am u l-4pm tinġabar f’darek u tevita milli toqgħod fix-xemx.

Ritratt: Mara tipprova tilqa' mis-sħana tax-xemx b'maktur fuq rasha: Ian Noel Pace