H&M twissi bi tnaqqis fil-bejgħ mill-ħwienet

Il-kumpanija famuża tal-ħwejjeġ H&M wissiet li t-tnaqqis fil-bejgħ mill-ħwienet se tkompli fl-2018, iżda temmen li r-riżultati finanzjarji għandhom jibqgħu jitjiebu grazzi għal bejgħ fuq l-Internet kif ukoll żieda fil-bejgħ minn brands ġodda. 

F’rapport lill-investituri, H&N spjegat kif għal din is-sena qed tistenna li 25% tal-bejgħ tagħha jsir fuq l-Internet. Hu mifhum li H&M għamlet din id-dikjarazzjoni pubblika biex isseraħ moħħ l-investituri wara li x-xahar li għadda l-kumpanija ammetiet numru ta’ żbalji strateġiċi u żvelat li l-profitti fir-raba’ kwart naqsu b’aktar minn terz.
L-ishma ta’ H&M naqsu bi kważi nofs fl-aħħar sentejn hekk kif sofriet iż-żieda tal-kompetizzjoni fuq l-Internet. Madankollu, il-kumpanija qalet li qed tistenna li wara l-investimenti li għamlet, il-bejgħ online jikber b’bejn 20 u 25% din is-sena u s-sena d-dieħla.
Is-sena li għaddiet il-kumpanija Svediża rreġistrat dħul ta’ 1.9 biljun sterlina, qabel it-taxxa, tnaqqis ta’ 13% fuq is-sena ta’ qabel.
Minkejja l-investiment online H&M, li hija t-tieni l-akbar grupp tal-ħwejjeġ wara Inditex (il-kumpanija proprjetarja ta’ Zara), uriet li għadha temmen fil-bejgħ tradizzjonali, tant li din is-sena se tiftaħ mal-400 ħanut ġdid madwar id-dinja, fiwlaqt tagħlaq mal-170 oħrajn bħala parti minn reviżjoni kontinwa tal-operat tagħha f’dan is-settur.
Rekord pożittiv għall-Ġappun
L-ekonomija Ġappuniża rreġistrat l-akbar tkabbir ekonomiku kontinwu sa mis-Snin Tmenin, grazzi għaż żieda qawwija fin-nefqa tal-konsumaturi. Dan wara snin twal ta’ staġnar ekonomiku li kien qed jifni lit-tielet l-akbar ekonomija fid-dinja.

Is-sena li għaddiet, l-ekonomija Ġappuniża kibret b’1.3%, l-għola rata sa mis-sena 2013. Dan minkejja li t-tkabbir fl-aħħar kwart tas-sena kien ta’ 0.5%, kważi n-nofs ta’ dak oriġinarjament previst. Madankollu, dan l-ammont minimu kien biżżejjed biex jintlaħaq rekord ta’ 12-il kwart ta’ tkabbir konsekuttiv, li l-aħħar l-intlaħaq kien bejn l-1986 u l-1989, fl-eqqel tal-hekk imsejħa “bużżieqa ekonomika” tal-Ġappun.
Dan ir-riżultat kien primarjament frott żidiet sostanzjali fin-nefqa kapitali, il-konsum u l-esportazzjoni. Skont il-Kabinett tal-pajjiż, l-akbar żidiet ġew reġistrati fuq xiri ta’ karozzi, smartphones u ikliet f’ristoranti. Il-konsum privat huwa mutur importanti tal-ekonomija tal-pajjiż, u filfatt jikkontribwixxi maż-żewġ terzi tal-GDP.
Fil-preżent, id-dibattitu fost l-esperti ekonomiċi huwa dwar jekk il-Bank Ċentrali hux se jnaqqas l-involviment tiegħu fl-ekonomija, permezz ta’ xiri ta’ ishma u bonds, f’perjodu fejn il-valur tal-munita lokali, il-Yen Ġappuniż, qed jiżdied b’mod sostanzjali. Filfatt, id-dollaru jinsab fil-preżent fl-aktar livell baxx fil-konfron tal-Yen għal dawn l-aħħar 15-il xahar.
Kuntrarju tas-sensiela ta’ riżultati ekonomiċi pożittivi, it-tendenza kienet waħda negattiva fejn jidħlu pagi tal-ħaddiema: dawn filfatt naqsu b’0.4% fl-aħħar kwart tas-sena li għaddiet, fattur li jista’ jillimita l-potenzjal ta’ tkabbir ulterjuri fix-xhur li ġejjin.
Il-Grupp Wanda jneħħu s-sehem fl-Atletico

Il-biljunarju Ċiniż Wang Jianlin aċċetta li jbiegħ is-sehem ta’ 17% li għandu, peremezz tal-kumpanija tiegħu Dalian Wanda Group fil-klabb tal-futbol Spanjol Atletico de Madrid.
Wang, li sar biljunarju permezz tal-proprjetà, kiseb fama internazzjonali b’investimeni mifruxin fl-industrija tal-isport u tal-intratteniment, fost l-oħrajn b’sehem f’Legendary Entertainment, studjo ta’ Holywood li produċa films bħala Jurassic World.
Dalia kienet l-ewwel kumpanija Ċiniża li investiet fi skwardra ewlenija tal-futbol, meta fl-2015, ħallset 45 miljun ewro għal sehem ta’ 20% fl-Atletico.  Dan kien waħda minn diversi investimenti li Wang għamel barra l-pajjiż iżda kollox inbidel is-sena li għaddiet wara pressjoni qawwija fuq Wanda mill-Gvern Ċiniż. Dan wassal biex il-kumpanija issa tibda tbigħ bosta mill-proprjetajiet internazzjonali biex tħallas id-djun li għamlet fl-espansjoni aggressiva tagħha.
Is-sehem f’Atletico Madrid se jinxtara minn Quantum Pacific Group, grupp globali mmexxi mill-biljunarju Iżraelit Idan Ofer. L-ammont tat-transazzjoni ma kienx żvelat. B’dan l-investiment, Quantum se ttella’ l-investiment tagħha f’dan il-klab għal 32%.
Madankollu Wanda mhux se taqta’ r-rabta tagħha mal-klabb minn Madrid, li l-aħħar rebaħ il-kampjonat Spanjol fl-2014, u filfatt se tibqa’ sponsor ewlieni filwaqt li l-grawnd se jżomm l-isem ta’ Wanda Metropolitano.
Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net Tel. 21493250. Tista' tirċievi l-artiklu b'xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net
L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment.