Ħ’Attard: Erbat idjar b’pixxina f’kull waħda bejn 2 monumenti storiċi

Erbat idjar b’pixxina f’kull waħda ta’ 243 metru mistennija jinbnew f’Ħ’Attard bejn żewġ monumenti storiċi ta' Grad 1, jġifieri l-linja l-qadima tal-ferrovija u parti mill-akkwadott.
Il-Kunsill Lokali ta’ Ħ’Attard qal dan fi stqarrija li fiha oġġezzjoni għal dan l-iżvilupp, u argumenta li l-fatt li dawn se jinbnew bejn dawn iż-żewġ siti storiċi jmur kontra DC 15 tal-Awtorità tal-Ippjanar (PA).
Din hi regola li titlob li kull żvilupp irid iqis il-kuntest immedjat, jiġifieri t-triq li jkun se jsir fiha, u s-sinjifikanzi soċjali tiegħu.
In-numru tal-permess maħruġ mill-PA hu PA 836/2018, skont il-Kunsill.
L-istqarrija tkompli tgħid li applikazzjoni oħra fuq l-istess art fl-2010, għal żewġt idjar fuq art biswit l-art li fuqha hemm il-proposta tal-lum, kienet ġiet irrifjutata (PA 03415/10).
L-oġġezzjonijiet dakinhar, mill-Heritage Planning Unit u anke mis-Sovratendenza tal-Wirt Storiku, kienet li l-bini kien se jkun wisq viċin l-akkwedott. Dakinhar kien issemma wkoll periklu ta' tħaffir viċin l-akkwedott u anke sejbiet ta' qabar u fdalijiet tal-era klassika.
Finalment, il-Kunsill Lokali ta’ Ħ’Attard jistaqsi għala dakinhar is-Sovratindenza kienet tkellmet u issa mhix titkellem, aktar u aktar għax il-bini propost issa huwa d-doppju ta' dak propost fl-istess żona.
Fl-istess stqarrija l-Kunsill qal li qiegħed jistenna risposta mill-awtoritajiet kompetenti dwar jekk l-applikazzjoni tiegħu għal fondi tal-Unjoni Ewropea biex tiġi rrestawrata u rijabilitata l-linja tal-ferrovija ġietx aċċettata.