Gwida jekk affettwat minn Thomas Cook

L-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) ħabbret li qed toffri għajnuna lil dawk kollha li kellhom titjiriet ibbukkjati mal-kumpanija Thomas Cook.

L-Awtorità qalet li l-passiġġieri għandhom jiċċekkjaw jekk ingħatawx iċ-ċertifikat tal-Air Travel Organiser’s Licence (ATOL) meta bbukkjaw. Żiedu li din hija skema ta’ protezzjoni. Il-passiġġieri li għadhom dan iċ-ċertifikat jistgħu jitolbu l-flus lura mill-awtorità tal-avjazzjoni Ingliża (CAA).

L-awtorità tal-Avjazzjoni Ingliża nediet servizz li permezz tiegħu se tkun tista’ trodd il-flus lura fi żmien xahrejn wara li tkun irċeviet l-irċevuti kollha. Dan is-servizz se jibda mit-Tnejn li ġej.

Dawk li m’għandhomx iċ-ċertifikat (ATOL) iridu jiċċekkjaw mal-kumpanija tal-assigurazzjoni biex jikkonfermaw li se jieħdu l-flus lura. L-MCCAA qalet li dawk affettwati għandhom jikkuntattjaw lill-bank rispettiv tagħhom biex jaraw jekk jistgħux jingħataw il-flus lura jekk ħallsu b’karta ta’ kreditu.

Aktar kmieni din il-ġimgħa l-Air Malta ħabbret li qed toffri titjiriet lil dawk affettwati mill-kumpanija Thomas Cook għall-prezz ta’ €50.