Gwida ġdida għall-adulti bl-epilessija

Proġett ġdid taħt l-Erasmus+ se jkun qed jixħet dawl fuq x’għandhom jagħmlu dawk l-adulti li jbatu bl-epilessija u li għandhom diffikultà fil-litteriżmu.
Dan se jsir permezz tal-iżvilupp ta’ gwida bl-istampi fi ħdan il-proġett EPIPICTO.
Il-proġett se jkun qed jiġi organizzat minn ħames organizzazzjonijiet li ġejjin minn pajjiżi differenti fosthom l-Awstrija, il-Ġermanja, l-Olanda, l-Iskozja, kif ukoll Malta.
Il-grupp Malti qed jiġi mmexxi mill-Kumitat tal-Assoċjazzjoni tal-Epilessija Maltija tal-Caritas.
Wara diversi laqgħat ma’ nies bl-epilessija, il-grupp seta’ jaħdem fuq gwida li tinkludi kemm jista’ jkun l-aspetti kollha neċessarji għal dawn in-nies.
L-għan ta’ din il-gwida huwa li jingħata iktar tagħrif dwar it-tipi differenti ta’ epilessija, kif ukoll aktar għarfien u fatti dwar x’inhi din il-kundizzjoni.
Il-gwida mistennija tkun ta’ għajnuna lill-adulti epilettiċi sabiex ikunu jafu aktar kif ifittxu l-għajnuna u b’hekk itejbu l-kundizzjoni ta’ saħħithom u jkollhom kwalità ta’ ħajja aħjar.
L-epilessija hija kundizzjoni newroloġika kronika li taffettwa mal-1% tal-popolazzjoni dinjija.
Jekk wieħed jixtieq aktar informazzjoni dwar dan il-proġett jista’ jibgħat imejl fuq: epipicto@gmail.com.