Gwardjani lokali: il-GWU tilħaq “il-ftehim mixtieq”

Il-General Workers’ Union (GWU), qalet li ntlaħaq ftehim mal-Local Enoforcement Systems Agency (LESA) biex il-gwardjani lokali kollha jkunu assorbit mill-istess aġenzija.
Irrimarka li dal-ftehim intlaħaq wara xhur ta’ diskussjoni.
Nhar is-Sibt li għadda l-Unjin Ħaddiema Magħqudin Voice of the Workers (UĦM) qalet li tħossha mħassba dwar il-proċess ta’ impjieg mill-ġdid li qed jolqot il-gwardjani lokali li preżentament jaħdmu mal-kumpanija G4S.
Dan minħabba li l-gwardjani li qed japplikaw biex jaħdmu mal-G4S qed ikollhom japplikaw direttament mal-LESA għall-istess xogħol, u għalhekk jitilfu s-senjorità li jkunu kisbu, għax anki jkollhom jgħaddu minn żmien ta’ prova.
Fakkret kif skont leġiżlazzjoni sussidjarja l-ħaddiema suppost ġew assorbiti mil-LESA permezz ta’ trasferiment ta’ negozju, fejn il-kundizzjonijiet jibqgħu l-istess. 
Dakinhar stess, il-GWU qalet li intensifikat il-ħidma tagħha biex jitwettaq dak li kien imwiegħed u b’hekk is-servizz tal-gwardjani lokali jgħaddi f’idejn l-aġenzija statali.
L-unjin irrimarkat li f’xi waqtiet id-diskussjonijiet kienu xi ftit diffiċli, iżda issa l-għan intlaħaq.