Gwardjan tal-ħabs jinstab pożittiv għall-coronavirus

Miguela Xuereb

Read in English.

Gwardjan tal-ħabs instab pożittiv għall-coronavirus. Dan kien ikkonfermat ma’ Newsbook.com.mt minn kelliema għall-Ministeru għall-Intern illum waranofsinhar.

Il-kelliema spjegat li waqt il-proċess ta’ contact tracing, il-ħaddiem kien sostna li kien mar l-isptar ma’ priġunier. Qalet li l-priġunier itteħidlu swab test ukoll iżda dan ħareġ negattiv. Ittieħdu wkoll għexieren ta’ swabs ta’ uffiċjali oħrajn li s’issa wkoll kollha rriżultaw fin-negattiv.

Hi spjegat li l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin kompliet iżżomm mal-protokoll ta’ diżinfettar kontinwu u ilbies ta’ maskri. Qalet li ż-żjarat isiru taħt ċerti kundizzjonijiet, fosthom il-perspex.

Bħalissa fil-pajjiż hawn total ta’ 415-il każ tal-coronavirus attiv. B’kollox, fil-pajjiż instabu 1,112-il każ tal-coronavirus. Minnhom fiqu 688 persuna u mietu disgħa. B’kollox s’issa saru 143,385 swab test.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minnhawn.