Ġwanni Pawlu II ikompli jkellimna, jispirana u jurina t-triq

“Għaddew 13-il sena mill-mewt tar-Ragħaj Qaddis, iżda hu xorta baqa’ jkellimna, jispirana, jurina t-triq u jinkoraġġina”.
Dan qalu l-Kardinal Stanislaw Dziwisz waqt quddiesa fil-Katidral ta’ Krakow, fit-13-il anniversarju tal-mewt tiegħu.
Il-Kardinal, li kien Segretarju ta’ Papa Ġwanni Pawlu II, qal li l-ktieb tal-ħajja tal-eks-Papa għadu miftuħ għall-Knisja u għad-dinja, speċjalment wara l-beatifikazzjoni u l-kanonizzazzjoni tiegħu.
Iċ-ċentru tal-ħajja ta’ Ġwanni Pawlu II kien Alla li ismu u wiċċu huma l-istess isem u wiċċ ta’ Kristu u fuqu bena ħajtu.
Meta naqraw il-ktieb tal-ħajja ta’ Ġwanni Pawlu II insiru nafu kif kien iħares lejn il-bniedem mifdi bid-demm prezzjuż tas-Salvatur. “L-attitudni tiegħu kienet waħda ta’ rispett u servizz. Hu kien konvint li l-bniedem hu t-triq tal-Knisja u għalhekk kontinwament kien iħeġġeġ lill-Knisja biex isservi lill-bniedem. Kien isejħilna biex nagħtu kas ta’ kull ħajja konċeputa u bla difiża. Kien jimmotivana fil-kura pastorali taż-żgħażagħ u tal-familja, biex nieħdu ħsieb il-morda u l-persuni b’diżabilità u lill-anzjani.
Il-Kardinal Dziwisz enfasizza li mill-ktieb tal-ħajja ta’ Ġwanni Pawlu II naraw l-imħabba kbira li kellu għall-Knisja “mhux għal Knisja ideali li ma teżistix, imma għall-Knisja tal-batut u l-midinbin li qed jikkonvertu u jirritornaw għat-toroq indikati fil-Vanġelu.
Il-Papa Ġwanni Pawlu II b’għaqal u paċenzja iggwida l-komunità kbira ta’ Knisja diversifikata li titkellem lingwi differenti u tesprimi l-fidi tagħha f’kuntesti kulturali u tradizzjonijiet differenti.
Fil-qalb pastorali tiegħu kien hemm post għal kulħadd. Mexxa lill-Knisja għat-tielet millenju tal-fidi Nisranija. Ħeġġiġna nħarsu lejn wiċċ Ġesù Kristu, l-uniku Salvatur tad-dinja.
Mill-ktieb tal-ħajja ta’ Ġwanni Pawlu II wieħed jara s-sehem tiegħu fil-komunità internazzjonali u r-responsabbiltà li kien iħoss għall-futur tad-dinja.
Kien realista. Kien jara t-tajjeb u l-ħażin fid-dinja. Kien jara t-tensjonijiet u l-kunflitti. Kien jipprova jasal ma’ kulħadd, speċjalment ma’ dawk li hum responsabbli għad-destin tad-dinja. Ġieb flimkien il-mexxejja tar-reliġjonijiet u stieden lill-popli biex jitolbu għall-paċi.
“Bla dubju ta’ xejn ikkontriwbixxa b’mod deċiżiv biex inħelsu l-pajjiżi tal-Lvant u l-Ewropa Ċentrali mill-ktajjen tas-sistemi totalitarji”, sostna l-Kardinal Dziwisz.
Tul il-Pontifikat tiegħu San Ġwanni Pawlu II għamel 102 vjaġġi madwar id-dinja u 142 vjaġġ fl-Italja barra minn Ruma. Għamel aktar minn 3,000 omelija u diskors u ppublika 14-il Enċiklika, 14-il Eżortazzjoni Apostolika u 42 Ittra Appostolika. 
Miet fit-2 ta’ April 2005.