“Ġwanni Pawlu II: Bniedem li ħadem ħafna għal Malta” – L-Arċisqof Mercieca

L-Arċisqof Emeritu Mons. Ġużeppi Mercieca, li hu meqjus li kien qrib il-Papa Ġwanni Pawlu II qal ma' Newsbook.com.mt li jirringrazzja lil Alla li l-Papa Ġwanni Pawlu II se jiġi ppreżentat għall-Qdusija.

Iddeskrivih bħala bniedem li kien iħobb lil Alla u kien jagħmel minn kollox biex jagħmel kuraġġ lil dawk li jkunu għaddejjin minn xi diffikultajiet.

"Kien iħobb ħafna lil Malta u ħadem ħafna għal pajjiżna", żied jgħid l-Arċisqof Emeritu.

Sostna li Ġwanni Pawlu II kien bniedem ta' fidi kbira u fid-diffikultajiet tiegħu qatt ma kellu biża'.

L-Arċisqof Emeritu kemm-il darba kellu l-okkażjoni li jkun ma' Ġwanni Pawlu II. 

Saħaq li għandna nirringrazzjaw lil Alla li tagħna lil Ġwanni Pawlu II bħala rigali u appella biex ngħixu t-twemmin li tagħna hu.