Gverta tal-azzar ta’ 34 metru titpoġġa fi Vjal l-Avjazzjoni

Matul il-lejl li għadda tpoġġiet f’postha l-gverta tal-azzar twila 34 metru b’pont ġdid li se jaqsam minn fuq Vjal l-Avjazzjoni, bejn Ħal Luqa u l-Gudja.

Fi stqarrija Infrastructure Malta spjegat li dan sar b’investiment ta’ €2.3 miljuni. Ġie spjegat li din l-infrastruttura se tkun qed ittejjeb l-ivvjaġġar bil-mixi, bit-trasport pubbliku jew bir-rota minn u lejn Ħal Luqa u l-Gudja u żoni oħra fl-inħawi, bħall-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u l-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS).

Ġie spjegat li l-gverta tal-pont tiżen 43 tunnellata u tinsab f’fabbrika speċjalizzata f’Venezja matul l-aħħar kwart tal-2019. Din inġiebet Malta bil-baħar u ġiet immuntata f’Ħal Far. Il-lejl li għadda din ittieħdet lejn is-sit tal-proġett minn Triq Ħal Far, fejn intrefgħet minn krejnijiet u ttellgħet f’postha sserraħ fuq żewġ pilastri tal-konkos, wieħed f’kull naħa tal-ħames korsiji ta’ Vjal l-Avjazzjoni.

Infrastructure Malta qalet li l-pilastri għoljin seba’ metri jiffurmaw parti minn żewġ binjiet bħal xulxin li jinkludu rampi forma ta’ garigor għal dawk li jridu jagħmlu użu mill-gverta tal-pont. Se jkunu qed jiġu installati wkoll lifts sabiex l-infrastruttura ġdida tkun aċċessibbli għal kulħadd, skont il-linji gwida stabbiliti mill-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità.

Il-pont il-ġdid se jgħaqqad ukoll iż-żewġ waqfiet għall-karozzi tal-linja (Avjazzjoni) li hemm f’din it-triq. Dan il-proġett huwa mmirat li jkun lest sas-sajf li ġej.