“Gvernijiet Nazzjonalisti ma kinux perfetti, imma qatt daqs illum” – Busuttil

Filwaqt li rrikonoxxa li Gvernijiet Nazzjonalisti ma kinux perfetti, l-Eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil saħaq li qatt daqs illum, il-pajjż ma kien f’din is-sitwazzjoni traġika u “tax-xejn mhu xejn”.
Hekk kif reġa’ tkellem fil-Parlament dwar l-aħħar żviluppi dwar l-Istat tad-Dritt fil-pajjiż u t-tisħiħ tal-istituzzjonijiet, Busuttil appella lill-Gvern biex ikisser il-ħitan li hemm bħalissa, u jipprova jibni pont ta’ djalogu u koperazzjoni.
Esprima d-diżappunt għal mod kif fi kliemu d-deputati tan-naħa tal-Gvern xejnu d-dibattitu parlamentari tal-bieraħ.
Dr Busuttil qal li bid-diskorsi tal-MPs tal-Gvern, intwera biċ-ċar, li l-Gvern mhux irid li tgħaddi tiegħu biss, iżda jkompli jifred minflok joffri l-id tal-ħbiberija u djalogu mal-poplu.
Simon Busuttil kien qed jirreferi għad-diskorsi, fejn il-Gvern irrepeta għal diversi drabi, li l-proposti tas-soċjetà ċivili u tal-Oppożizzjoni huma bla sens.
Saħaq li minkejja li ġie elett f’Ġunju li għadda, il-Prim Ministru għandu jerfa’ r-responsabbiltà u jneħħi lill-Kummissarju tal-Pulizija, lill-Avukat Ġenerali u li dawk li jilħqu minn flokhom jintgħażlu b'approvazzjoni ta' żewġ terzi tal-kamra.