Gvernijiet Ewropej isegwu l-inkjesta dwar Daphne – rapporti

Read in English.

Minn tal-inqas in-Netherlands u l-Ġermanja se jkunu qed jibagħtu rappreżentant biex isegwu l-Inkjesta Pubblika fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Dan ġie kkonfermat mill-Prim Ministru tan-Netherlands Mark Rutte li f’rapporti fil-gazzetti tan-Netherlands ingħad li n-Netherlands se tkun qed issegwi lil Malta fl-investigazzjoni independent li qed issir.

Il-Membru Parlamentari tan-Netherlands Pieter Omtzigt huwa voċiferu dwar dak li għaddej f’Malta u kien ir-rapporteur speċjali tal-Kunsill tal-Ewropa li fir-rapport tiegħu qal li l-Gvern Malti kellu jwaqqaf din l-Inkjesta Pubblika. Omtzigt kien irrappurtat li qal li dan huwa sinjal ċar min-Netherlands li trid tgħin biex is-sitwazzjoni f’Malta tissolva.

Omtzigt qed jinsisti li l-problemi f’Malta jissolvew minħabba li Malta tista’ titqies bħala “toqba” fl-Unjoni Ewropea għal banek korrotti u għal kummerċ ta’ passaporti dubjużi.

Wara xhur ta’ pressjoni internazzjonali, il-Prim Ministru Joseph Muscat kien ħabbar li se jwaqqaf l-Inkjesta Pubblika lejlet Jum l-Indipendenza. Dakinhar il-persuni magħżula biex imexxu l-Bord ta’ Inkjesta kienu l-Imħallef Emeritu Michael Mallia bħala President tal-Kummissjoni ta’ Inkjesta Pubblika u bħala membri kienu ġew maħtura l-Professur Ian Refalo u Dr Anthony Abela Medici.

Fil-15 ta’ Novembru, kważi xahrejn wara, il-Gvern qal li kien laħaq qbil mal-familja Caruana Galizia biex jibdel iż-żewġ membri u flokhom ġew maħtura l-Prim Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino u l-Imħallef Abigail Lofaro bħala l-membri ġodda.