Il-Gvern u l-Oppożizzjoni f’battibekk dwar it-tibdil fil-klima

DOI - Jason Borg

Read in English.

Il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni dwar it-tibdil fil-klima inbidlet f’battibekk jaħraq bejn deputati tal-Gvern u dawk tal-Oppożizzjoni.

Il-Gvern akkuża lill-Oppożizzjoni li lanqas intebħet li l-Parlament diġà għadda liġi dwar il-bidla fil-klima waqt li l-Oppożizzjoni tgħid li hi xxokjata l-aġir aggressiv tal-Gvern fuq il-proposti tagħha.

Il-vot dwar din il-mozzjoni jittieħdet nhar it-Tlieta.

Malta għandha tieħu inizjattiva biex il-Mediterran isir Emission Controlled Area – Azzopardi

Fil-bidu tad-dibattitu, Jason Azzopardi ressaq numru ta’ proposti biex il-gvern jintrabat li jilħaq il-miri ambjentali tiegħu.

Id-deputat Nazzjonalista ssuġerixxa li Malta għandha tieħu l-inizjattiva biex il-Mediterran isir ECA (Emmission Controlled Area) u appella lill-Gvern biex jiddaħħlu sistemi bħal m’hemm f’Hamburg biex meta cruise-liner jkunu fil-port ma jużax il-magni tiegħu iżda jqabbad mal-electric grid tal-pajjiż biex ma jħammġux l-arja.

Huwa qal li f’Hamburg, il-Ġermanja sar investiment ta’ €10 miljuni, fondi tal-UE biex ikollhom din is-sistema ta’ electric grid.

Hu argumenta li l-industrija tal-cruise liners l-iktar li tagħmel ħsara lill-ambjent peress li tuża’ l-Heavy Fuel Oil. Hu spjega li t-tniġġiż fl-ajru mill-cruise liners huma 150 iktar minn Triq Aldo Moro l-Marsa.

L-Oppożizzjoni lanqas intebħet li l-pajjiż diġà liġi dwar il-Bidla fil-Klima – Camilleri

Min-naħa tiegħu, l-whip tal-grupp parlamentari Laburista Byron Camilleri qal li l-PN dam xhur iħejji din il-mozzjoni u lanqas biss intebaħ  li pajjiżna diġà għandu Att Dwar il-Bidla fil-Klima u li ġie approvat fl-2015.

Hu sostna li l-mira tal-gvern iddikjarata fil-baġit li sal-2050 Malta tkun carbon neutral.

Il-Whip Nazzjonalista Robert Cutajar qal li hu sorpriż bl-atteġjament tad-deputati tal-Gvern meta l-mozzjoni tal-Oppożizzjoni sabet l-appoġġ ta’ ħafna għaqdiet ambjentali u saħansitra tal-ex Mexxej Laburista Alfred Sant li appella biex issib l-appoġġ tal-Kamra.

Ironika li l-Oppożizzjoni tikkritika l-Cruise Lines minħabba l-HFO – Zammit Lewis

Il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej Edward Zammit Lewis stqarr li ronikament l-Oppożizzjoni qed tikkritika l-industrija tal-Cruise Liners għax din taħdem bil-HFO meta kien Gvern Nazzjonalista li fl-2011 beda power station li taħdem bil-HFO. Huwa qal li l-Gvern Malti huwa parti mill-Unjoni Ewropea u huwa impenjat biex ikun parti minn soluzzjonijiet Ewropej. Fakkar kif Malta kienet il-ħames pajjiż firmatarju tal-Paris Agreement dwar it-tibdil fil-klima iżda dan tilef il-valur tiegħu meta l-Istati Uniti taħt Donald Trump irtirat minn dan il-ftehim.

Il-Ministru għall-Affarijiet Carmelo Abela qal li kienet Malta li lejn l-aħħar tas-snin tmenin li ġabet għall-attenzjoni tal-komunità internazzjonali it-tibdil fil-klima.

Fakkar ukoll kif kienet Malta li fl-2015 f’laqgħa tal-kapijiet tal-Commonwealth kienet strumentali biex intleħaq ftehim dwar il-Paris Agreement.

Gvern attakka lill-Oppożizzjoni flok kien kostruttiv – Gouder

Id-deputat Nazzjonalista Karl Gouder qal li quddiem il-proposti ambjentali tal-Oppożizzjoni, flok kien kostruttiv, il-gvern attakka lill-Oppożizzjoni minkejja r-reazzjoni pożittiva tas-soċjetà ċivili.

Id-deputat Laburista Alex Muscat irrikonoxxa l-isfida tal-cruiseliners u żvela kif Transport Malta qed taħdem biex fi żmien qasir ikun hawn f’pajjiżna il-faċilità ta’ shore to ship li twassal biex jonqsu l-emmissjonijiet minn cruisliners li jkunu fil-port.

35 proposta fil-baġit dwar it-tibdil fil-Klima – Herrera

Il-Ministru għall-Ambjent u Tibdil fil-Klima, Josè Herrera, għamel numru ta’ emendi għall-mozzjoni tal-Oppożizzjoni u ntrabat li fi żmien tliet xhur iressaq quddiem il-Kumitat għall-Ambjent tal-Parlament ir-rapport annwali tal-Kumitat Tekniku dwar it-tibdil fil-klima.

Huwa qal li fil-baġit ta’ din is-sena hemm 35 miżura li huma parti minn azzjonijiet konkreti kontra t-tibdil fil-klima, waqt li l-Gvern intrabat li jbiddel il-flotta tal-karozzi tiegħu għal dawk elettriċi filwaqt li diġà ħabbar id-data meta l-karozzi ġodda f’Malta jridu jkunu elettriċi.

Il-Gvern ma jissalvagwardjax il-ġejjieni taż-żgħażagħ Maltin – PN

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern illejla irrifjuta li jiddikjara stat ta’ Emerġenza tal-Klima. Dan meta ivvota kontra mozzjoni imressqa mill-Oppożizzjoni u appoġġjata minn diversi għaqdiet taż-żgħażagħ u tas-soċjetà ċivili. Il-kriżi fit-tibdil fil-klima hija theddida irriversibbli għall-ġejjieni tat-tfal u ż-żgħażagħ tagħna.

Il-PN insista li hija ħasra u opportunità mitlufa li l-Gvern adotta ton ta’ aggressività u negattività lejn is- soċjetà ċivili u l-poplu Malti biex ma jintrabatx b’miżuri konkreti sabiex jiġġieled bis-serjetà il-kriżi li qed jirrifjuta li jiffaċċja.

Il-PN kompla jgħid li l-Gvern illejla ta bis-sieq lis-soċjetà ċivili u l-eluf ta’ żgħażagħ li stennew li l-Parlament Malti illum jagħmel pass storiku u jiddikjara Emerġenza tal-Klima, b’rabtiet legali fuqu stess biex jitnaqqsu l-emissjonijiet sal-2030 u biex jispiċċaw kompletament sal-2050.

L-Oppożizzjoni qalet li fl-ebda mument ma kien hemm kelliema tal-Oppożizzjoni li kkritikaw jew attakkaw xi miżura tal-Gvern proprju biex id-dibattitu jkun wieħed li jwassal għal ftehim bejn iż-żewġ naħat fil-Parlament b’rispett lejn Nature Trust, Birdlife, SDM (Studenti Demokristjani Maltin), KSU (Kunsill Studenti Universitarhi), KNŻ (Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ), Extinction Rebellion u eluf ta’ żgħażagħ li talbu lill-Parlamentari kollha jirrikonoxxu Emerġenza tal-Klima u li jittieħdu passi legali biex il-Gvern jintrabat b’miri ċari u speċifiċi għal tnaqqis fil-kriżi tal-emissjonijiet fl-arja.