“Gvern Nazzjonalista jagħmel l-akbar investimenti infrastrutturali” – Simon Busuttil

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li Gvern Nazzjonalista jagħmel l-akbar investiment fi proġetti f’Malta li qatt ma rat tul il-ħames snin ta’ Gvern Laburista.
F’attività politika fil-Qrendi, Simon Busuttil qal li din il-wegħda jista’ jwettaqha billi Gvern Nazzjonalista jagħmel pjan nazzjonali għall-infrastruttura.
Fid-diskors tiegħu, Simon Busuttil qal li l-Gvern ma għandux viżjoni u li qed igawdi mill-investiment u mill-viżjoni kellu l-Partit Nazzjonalista.
Qal li s-sistema tat-trasport pubbliku falliet u li dan qed jikkawża konġestjoni tat-traffiku.
Saħaq li għalkemm din il-problema ma bdietx issa, il-problema aggravat taħt din l-amministrazzjoni.
Spjega li l-PN qed jipproponi pjan alternattiv b’sistema ferrovjarja, il-bini ta’ mina bejn Malta u Għawdex u aktar investiment f’toroq residenzjali u arterjali.
Temm jgħid li l-kwalità ta’ ħajja taċ-ċittadini tiddependi fuq il-proġetti li jtejbulhom ħajjithom u li l-PN se jkun qed jinvesti fihom.
“Il-Kap tal-Oppożizzjoni huwa garanzija li jreġġa’ lura għad-diżastru u l-falliment fit-trasport pubbliku u l-infrastruttura”
F’reazzjoni l-Partit Laburista qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni huwa garanzija li jreġġa’ lura għad-diżastru u l-falliment fit-trasport pubbliku u l-infrastruttura li kienet qed taqa’ biċċiet.
Qal li kien ikun aktar għaqli kieku l-Kap tal-Oppożizzjoni għamel l-unika ħaġa lin-nies qed jistennew minnu mill-Oppożizzjoni: li jaġixxi fuq dak li jitkellem dwaru, u xahar wara li faqqa’ l-iskandlu tal-pagi PN jippubblika l-invoices foloz.