“Gvern mgħaġġel, selettiv u jgħaddi minn fuq l-Oppożizzjoni bħal romblu” – Chris Said

Id-deputat Nazzjonalista Chris Said stqarr fil-Parlament li l-Oppożizzjoni trid terfa’ r-responsabbiltà tagħha u jekk il-gvern irid qbil fuq emendi, allura l-Partit Nazzjonalista lest jiddiskuti.

Madanakollu skont Said, l-gvern hu mgħaġġel, dahru mal-ħajt għaliex l-Kummissjoni Venezja u l-Kummissjoni Ewropea poġġew lil Malta taħt lenti wara li l-istituzzjonijiet qed jintużaw bħala paraventu biex jgħattu lill-Gvern.

Said akkuża lill-Gvern li ressaq biss dawk l-abbozzi li għandu bżonn iż-żewġ terzi biex imbagħad wara s-sajf jgħaddi l-bqija bla appoġġ tal-Oppożizzjoni.

Meta kien qed jitkellem fil-parlament, Said qal li saħansitra l-Ombudsman ħa lill-gvern quddiem il-Qorti għaliex fil-każ tal-Forzi Armati ma riedx iwettaq ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu.

Dwar il-ħatra tal-Ombudsman, Said argument li bil-proċeduri ta’ riżerva (fallback position), il-Gvern għamel pass lura meta l-ewwel tliet Ombudsmen intgħażlu bi qbil bejn Gvern u Oppożizzjoni. Issa jekk ma jkunx hemm qbil, l-Gvern irid jibqa’ għaddej romblu minn fuq l-Oppożizzjoni.