​“Gvern li jħallas għar-restawr tar-Redentur, imma ma jipproteġix lit-tarbija fil-ġuf”

Id-Deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo saħaq fil-Parlament li l-Gvern li jagħmel tajjeb li jħallas il-flus għar-restawr tan-niċċa tar-Redentur, ma jaħtafx iċ-ċans li jipproteġi lit-tarbija fil-ġuf, bl-emendi fil-liġi tal-vjolenza domestika.
Waqt Aġġornament Parlamentari, fl-aħħar seduta qabel il-btajjel tal-Għid, Edwin Vassallo rrefera għal dak li kien għadu kif ġie diskuss waqt il-Kumitat għall-Kunsiderazzjonijiet tal-Liġijiet li ddiskuta l-liġi dwar il-vjolenza domestika.
Fl-istess laqgħa tal-Kumitat, mistoqsi mill-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar, l-Avukat Ġenerali qal li l-kelma ‘dixxendent’ fil-liġi ma tkoprix lit-tarbija fil-ġuf u għalhekk mhix koperta bil-liġi dwar il-vjolenza domestika, hekk kif proposta mill-Gvern.
Edwin Vassallo stqarr li għal kulħadd l-importanti li jdaħħal il-flus, mhux fejn jidħol l-ambjent biss, imma anke fejn jidħol il-bniedem.
Irrimarka li ma jistax ikollok moralità fin-negozju, meta lanqas fil-Gvern m’hawn moralità għax fi kliemu kollox isir għall-flus u għall-ideoloġija.  Saħaq li bl-ideoloġija li qed isegwi l-Gvern, il-ħajja saret bla valur, “begħna l-moralità, begħna l-ambjent, begħna t-tarbija fil-ġuf”.
Vassallo stqarr li minkejja li Josè Herrera kien qal li l-Gvern huwa etikament kontra l-abort,  jemmen li l-Gvern qed jistenna ż-żmien jasal u jagħżel fejn imur skont lil fejn tgħajjat il-folla, bħalma għamel Pilatu.
“Quddiem mewt ta’ ġurnalist irriżenjaw, int bqajt hemm”
Saħaq li kieku l-Gvern jemmen fl-etika, kien jagħmel bħas-Slovakki, li quddiem il-korruzzjoni u qtil ta’ ġurnalist irriżenja l-Prim Ministru Slovakk, Ministri u żewġ persuni qrib il-Prim Ministru, “imma int bqajt hemm”. “Dan minkejja li saħqu li ma kellhomx x’jaqsmu”, kompla jgħid.
Id-Deputat tal-Oppożizzjoni sostna li l-immoralità saret l-ordni tal-ġurnata. Saħaq li Malta qed tegħreq f’dak li sejjaħ il-ħmieġ tal-immoralità, fi żmien meta eluf ta’ nies se jkunu qed jieħdu sehem f’purċissjonijiet madwar il-pajjiż.
“Qtil doppju li toqtol it-tifkira ta’ qtil”
Tkellem dwar il-monument tal-Assedju, li fi kliemu qed iservi bħala artal fejn qed tiġi kkommemorata l-qlubija ta’ omm, ġurnalista, mara miżżewġa li ġiet maqtula ħames xhur ilu – Daphne Caruana Galizia.
Qal li ħames xhur ilu f’Malta kien hawn Ġimgħa l-Kbira oħra, il-qtil ta’ xi ħadd li jemmen fis-sewwa.
Sostna li hi ħasra li hemm min iġib ruħu daqslikieku l-assassinju ma seħħx. Fisser li dak hu qtil doppju – qtil tat-tifkira tal-qtil.  Hawnhekk irrefera għal dawk il-persuni li neħħew il-fjuri u x-xemgħat minn mal-mafkar ta’ Daphne.  Sostna li ma jistax il-poplu Malti jmur jixgħel xemgħa quddiem id-Duluri, imbagħad jitfi x-xemgħa tad-duluri li mietet għas-sewwa f’Malta.
“Min ried jieħu lil Daphne fil-Qorti Amerikana spiċċa hemm hu”
Għadda biex jitkellem dwar il-Bank Pilatus, u l-arrest ta’ sid il-Bank fl-Istati Uniti. Edwin Vassallo saħaq li l-ġustizzja xi darba ssir, u li sid il-Bank li ried jieħu lil Daphne fil-Qorti Amerikana, issa spiċċa hu fil-Qorti.
Qal li għall-kuntrarju tal-Gvern Amerikan, il-Gvern Malti għalaq għajnejh dwar min kien qed imexxi l-bank, għax fi kliemu kien jaqbillu.