Il-Gvern jirsisti li l-Air Malta ma ssirx feeder airline

Il-Gvern qed jirsisti li l-Air Malta ma ssirx feeder airline li tagħmel ix-xogħol għas-sieħeb strateġiku.
Dan qalu l-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis waqt dibattitu fit-tieni qari tal-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar is-Servizzi tal-Ivjaġġar u tat-Turiżmu għal Malta.
Waqt dan id-dibattitu, l-Oppożizzjoni qajmet numru ta’ mistoqsijiet dwar il-proċess ta’ tfittix ta’ sieħeb strateġiku għall-Air Malta.
Id-Deputat Nazzjonalista Claudio Grech irrefera għal rapporti fil-mezzi tax-xandir, li l-linja tal-ajru mill-Emirati Għarab Magħquda l-Etihad, se tkun is-sieħeb strateġiku għall-Air Malta.  
Staqsa dwar ir-riskju li l-Air Malta tispiċċa linja tal-ajru feeder għas-sieħeb strateġiku tagħha kif ukoll ir-riskju li jkollha ċċedi wħud mid-destinazzjonijiet tagħha kif għamlu linji tal-ajru oħra li ssieħbu ma' din il-linja tal-ajru internazzjonali.
Id-Deputat Nazzjonalista Robert Arrigo sostna li s-slots f’Heathrow għandhom valur ta’ madwar €40 miljun u staqsa x’jiġri jekk dawn jinbiegħu, jekk il-flus humiex se jinqasmu bejn il-Gvern Malti u s-sieħeb strateġiku.
Zammit Lewis qal li mhux importanti min hu s-sieħeb strateġiku li miegħu qed isiru d-diskussjonijiet dwar l-Air Malta, iżda l-importanti huma t-temi diskussi bħan-network, il-code sharing, il-possibbiltà li l-linja tal-ajru Maltija jkollha sehem fil-long haul markets li għandu s-sieħeb. 
Saħaq li l-Gvern għamel numru ta’ kundizzjonijiet fosthom li l-Air Malta tibqa’ linja tal-ajru ta’ Malta u dan mhux biss fid-deher iżda li tħares ukoll l-interessi ta’ Malta kemm l-industrija turistika kif ukoll l-aspett soċjali bħall-ġarr ta’ morda.
Zammit Lewis qabel dwar il-bżonn ta’ taħriġ għall-impjegati barranin, iżda biss fil-kuntest ta’ dibattitu olistiku dwar ir-rwol tal-ħaddiema Maltin f’dan is-settur.
Qabel ukoll mal-proposta ta’ Grech dwar linji gwida għal min jikri propjetà lill-barranin.