​“Gvern imnawwar minn ġewwa” – Simon Busuttil

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li “bħalissa għandna Gvern imnawwar minn ġewwa” għax spjega li għall-ewwel darba fl-istorja ta’ Malta, il-każijiet ta’ koruzzjoni jmorru dirett fil-qalba tal-Gvern.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni kien qed jiġi ntervistat mill-Avukat Joe Giglio fuq l-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista.
Simon Busuttil qal li għalkemm il-kumpaniji fil-Panama huma tal-Ministru Konrad Mizzi u taċ-Chief of Staff Kieth Schembri, nafu li hemm it-tielet kumpanija u ma nafux ta’ min hi, fl-istess waqt li l-Prim Ministru qed jiddefendihom.
Tenna li l-kawża tiegħu u tal-Partit Nazzjonalista hi li Malta jkollha Gvern nadif.
“Minflok jieħu azzjoni, jattakka lil ħaddieħor”
Kompla billi qal li “l-Partit Laburista fil-Gvern minflok jieħu azzjoni qed jattakka lil ħaddieħor inkluż lill-viċi kapijiet tal-Partit Nazzjonalista, Mario De Marco u Beppe Fenech Adami.”
Dehrlu li l-każ ta’ dawn in-nies attakati mill-Partit Laburista kellhom jieqfu u ma tittieħidx azzjoni għax taw l-ispjegazzjoni ċara u ma kienu għamlu xejn ħażin.
Dwar ix-xuffier tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li ssospendieh mis-servizz sakemm l-inkjesta maġisterjali uriet li m’għamel xejn ħażin. Tenna li fl-istess waqt għad m’hemm l-ebda investigazzjoni uffiċjali dwar il-kumpaniji fil-Panama.
Lingwaġġ Politiku
Dwar il-lingwaġġ politiku li qed jintuża, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li fejn hemm ħażin dejjem qal li hu ħażin iżda ma jfissirx li jkun qed jgħid kontra l-persuna konċernata iżda kontra l-aġir tal-persuna.
Semma’ l-eżempju tal-eks Segretarju Parlamentari Michael Falzon fejn il-Partit Nazzjonalista tkellem kontra deċiżjoni tiegħu iżda mhux kontrieh personali.
Skema Ċedoli
Dwar l-iskema ċedoli, Simon Busuttil qal li l-Partit nazzjonalista stenna li l-liġi tidħol fis-seħħ biex dak li jagħmel ikun kollu kopert fil-liġi.
Sostna li l-iskema ta’ self hija sistema ċċekkjata legalment u hija maħsuba biex tnaddaf il-finanzjament tal-partit.
Qal li filwaqt li l-Partit Laburista qed jikkritika din is-sistema, kien hu stess li uża s-sistema ta’ self meta kien qed jibni ċ-Ċentru Nazzjonali Laburista.