Simon Busuttil iwiegħed li l-PN se jħares is-sigurtà

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li gvern ġdid Nazzjonalista jħares is-sigurtà tal-familji Maltin u Għawdxin u jerġa’ jkollu Korp tal-Pulizija li jagħmlu kburi li hu Malti.
Waqt attività politika fil-każin tal-PN ta’ Birkirkara, Dr Busuttil sostna li se jkun qed jassigura li l-Maltin jerġgħu jserrħu rashom li jgħixu f’pajjiż fejn is-sigurtà tkun assigurata.
Irrefera għall-aħħar każ ta’ karozza bomba fl-Imsida, u sostna li saħansitra kien hemm vittmi innoċenti li kienu għaddejjin mill-istess triq. Qal li dan hu l-prezz li qed iħallas il-poplu għall-fatt li l-Kummissarju tal-Pulizija ntagħżel biex jiddefendi lil Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi, u mhux biex jiddefendi lill-poplu Malti u Għawdxi.
Il-Kap tal-PN irrefera għal-laqgħat li kien hawn din il-ġimgħa f’Malta tad-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew li qed tinvestiga l-allegazzjonijiet dwar l-iskandlu tal-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, li nqabdu li fetħu kumpaniji sigrieti fil-Panama biex fihom ipoġġu miljuni fis-sena li ġejjin mill-commissions. Qal li “Il-konklużjoni ta’ dawn il-laqgħat kienet ċarissima u ma tħalli ebda dubju, li dan hu a textbook case of money laundering.”
Simon Busuttil kompla billi saqsa ta’ min hi t-tielet kumpanija sigrieti fil-Panama, wara li ħadd mhu jemmen li din hi ta’ Brian Tonna. Fakkar x’kien jgħid Eddie Fenech Adami, li ż-żejt dejjem jiftla’ f’wiċċ l-ilma, u qal li anke f’dan il-każ, iż-żejt se jitla’ f’wiċċ l-ilma.
Tkellem ukoll dwar il-liġi li jrid idaħħal il-Gvern, li kull min jikkummenta fuq ġrajjiet kurrenti fuq l-internet, irid jirreġistra nkella jista’ jeħel multa ta’ €1,000. Qal li din hi liġi unika fl-Unjoni Ewropea, u l-biża hi li n-nies, minflok jirreġistraw, jagħżlu li jżommu ħalqhom magħluq. Wiegħed li l-Partit Nazzjonalista se jiġġieled kontra din il-liġi fil-Parlament u se jivvota kontriha, se jagħti struzzjonijiet biex in-nies jinjorawha, u malli l-PN ikun fil-Gvern, se jneħħiha.
“Il-Kap tal-Oppożizzjoni giddieb u xewwiex”
B’reazzjoni, il-Partit Laburista qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni hu giddieb u xewwiex.
Qal li f’“diskors isteriku mill-bidu sal-aħħar”, Simon Busuttil issokta b’attakk bla preċedent fuq istituzzjonijiet ta’ Malta, bħalma hu l-Kummissarju tal-Pulizija u l-Korp tal-Pulizija, biex jipprova joħloq pressjoni bla preċedent fuq il-Pulizija.
Sostna li Simon Busuttil qed jipprova jbeżża’.
“Simon Busuttil iżolat fl-isteriżmu”
Min-naħa tiegħu, il-Ministeru għall-Ġustizzja sostna li l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil hu iżolat fl-estremiżmu u fil-politika tal-‘le’ fuq kollox u kulħadd.
Qal li dan filwaqt li jeżisti kunsens ġenerali f’Malta li l-proposta leġiżlattiva għal liġi ġdida dwar il-midja hi pass fid-direzzjoni t-tajba u toffri bażi pożittiva għal iktar diskussjonijiet.
"Il-pressjoni u l-attakki ta' Simon Busuttil fuq il-Pulizija qegħdin isiru perikolużi għad-demokrazija"
B'reazzjoni l-Ministeru għas-Sigurtà Soċjali qal li Simon Busuttil baqa’ għaddej bl-attakki u tgħajjir fuq l-istituzzjonijiet, prominenti fosthom, il-Korp tal-Pulizija kif ukoll attakki personali fuq il-Kummissarju Lawrence Cutajar. 
Qal li dan wara li l-Gvern preċedenti mmexxi mill-Partit Nazzjonalista, li Simon Busuttil issa huwa l-kap tiegħu, għal 25 sena ħarab milli jagħmel it-tibdil u l-investiment tant meħtieġ fil-Korp tal-Pulizija.