Gvern: Id-dewmien esaġerat fil-proċeduri tal-Qorti huwa inaċċettabbli

Il-Gvern iddeskriva bħala inaċċettabbli, id-dewmien li hemm bħalissa fil-proċeduri tal-Qrati Maltin u Għawdxin.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Ġustizzja Owen Bonnici qed jirreferi għas-sentenza ta’ Joseph Lebrun kontra l-Avukat Ġenerali meta Lebrun ingħata s-somma ta’ €6,000 bħala kumpens minħabba t-tul ta’ żmien li qed jittieħed biex tinqata’ sentenza finali mill-Qorti.

Bonnici qal li “jekk forsi kien hemm min dera bil-mentalità li dawn huma affarijiet li jistgħu jgħaddu, il-Gvern preżenti ma jistax jittollera sitwazzjoni bħal din meta pajjiżna qiegħed jagħmel sforzi kbar biex ikun l-aħjar f’diversi setturi fl-Ewropa”.

Kompla jgħid li “l-poplu jixraqlu aħjar. Dak li qrati oħra jiddisponu minnu f’sitt xhur f’pajjiżna m’għandniex nieħdu sitt snin biex niddisponu minnu”.

Fid-dawl ta’ dan, Owen Bonnici ħabbar li  fl-aħħar tas-sena se jibdew jiġu implimentati t-tibdiliet meħtieġa fil-Qrati.

Il-Gvern qal li mhu qed iwaħħal fl-ebda ġudikant iżda “qed jipponta subgħajh lejn sistema sħiħa li strutturalment teħtieg tinbidel u se tinbidel”. 

F’April li għadda l-Gvern waqqaf Kummissjoni għal Riforma Ħolistika fil-Qasam tal-Ġustizzja mmexxija mill-Imħallef Emeritu Giovanni Bonello li ħarġet żewg dokumenti għad-diskussjoni u mistennija tippubblika r-rapport finali tagħha fl-aħħar ta’Ottubru li ġej.