Gvern ġdid ifisser tama – Omtzigt

Read in English.

Ir-rapporteur tal-Kunsill tal-Ewropa Pieter Omtzigt qal li l-Gvern ġdid se joffri tama lil Malta u tispiċċa l-ħsara li saret fl-aħħar xhur. Żied li jittama li Malta terġa’ tibni r-reputazzjoni tagħha mal-pajjiżi barranin.

Pieter Omtzigt qal dan fi stqarrija b’reazzjoni għall-ħatra tal-Prim Ministru Robert Abela. Huwa awgura lil Abela għal din il-ħatra u esprima t-tama tiegħu biex tintemm il-ħsara u Malta terġa’ tibni r-reputazzjoni tagħha.

Ir-rapporteur qal li, “il-kommunità internazzjonali tinsab imħassba għas-sistema ta’ Malta kif ukoll dwar in-nuqqasijiet fejn tidħol is-saltna tad-dritt.” Kompla li l-istituzzjonijiet mill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa sal-Parlament Ewropew u Kummissjoni Ewropea qed jitolbu biex l-istandards Ewropej jitrattaw dan is-suġġett b’urġenza.

Omtzigt qal li jinsab ħerqan li jiltaqa’ mal-Prim Ministru Robert Abela u jiddiskutu r-riformi essenzjali li ħarġu mir-rapporti tal-Kummissjoni Venezja, GRECO u MONEYVAL.

Semma kif huwa jittama li dan il-Gvern ġdid jassigura li jkun hemm ġustizzja għall-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u tispiċċa l-impunità għall-korruzzjoni.