​Gvern entużjast biex ineħħi l-billboards imma mhux daqstant lil Schembri u Mizzi – Occupy Justice

Il-grupp Occupy Justice qal li t-tneħħija tal-billboards tagħha l-bieraħ juri kuntrast bejn l-infurzar tal-liġi u l-protezzjoni li l-Gvern jipprovdi liċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u lill-Ministru Konrad Mizzi.
Fi stqarrija, Occupy Justice ddeskriva t-tneħħija tal-billboards li kien għamel bħala mossa “ta’ reġim” li qed juża’ l-poter tiegħu biex jgħaffeġ fuq id-drittijiet tal-kritiċi tiegħu.
Il-grupp qal li l-Gvern seta’ kellu raġuni legali biex ineħħi l-billboards. Però, il-grupp qal li l-Gvern ma tax kas dawk ir-raġunijiet qabel ilbieraħ. Fil-fehma tal-grupp dan biex jitneħħew fl-istess ħin tal-velja li saret fil-Belt Valletta erba’ xhur wara l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Occupy Justice qalu li l-Gvern ħa azzjoni kontra l-kuntrattur tal-billboards biex jibgħat messaġġ lin-negozji li kull servizz li joffru lis-soċjetà ċivili jwassal għall-użu sħiħ tal-poter tal-Gvern.
Fl-istqarrija, il-grupp qal li hemm kuntrast bejn l-entużjażmu tal-Gvern biex ineħħi l-billboards u l-entużjażmu tal-Gvern biex jgħerreq lil Malta fis-siment.
Occupy Justice kompla jgħid li lbieraħ kien hemm diversi protesti madwar id-dinja li ġew ispirati mill-billboards li saru f’Ebbing Missouri. Il-grupp stqarr li kien il-Gvern Malti biss li ħa azzjoni kontra l-protesta.
Ritratt: Occupy Justice