Gvern bla pjan għall-immigrazzjoni – Delia

Read in English.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-Gvern m’għandux pjan dwar l-immigrazzjoni f’Malta. Delia semma kif fil-ġurnali llum hemm statistika li tgħid li 25% tal-Maltin jgħix ‘l barra minn xtutna. Iżda Delia saħaq li hija problema li l-Maltin qed jitilqu u qed jiġu għadd ta’ barranin.

Qal li anke fl-immigrazzjoni legali hemm problema għall-ekonomija f’Malta. Saħaq kif il-Prim Ministru Joseph Muscat “ma jafx kif se jkabbar l-ekonomija jekk mhux billi jġib il-barranin f’Malta”

Aggressività fil-Parlament

Semma dak li qalu ġurnalisti indipendenti fejn ikkumentaw dwar l-aggrssività waqt is-seduta parlamentari li fiha ġiet diskussa l-mozzjoni tal-Oppożizzjoni dwar it-tibdil fil-klima

Fisser l-emerġenza fil-klima u qal li permezz tagħha jidħlu fis-seħħ sett ta’ liġijiet b’emerġenza dwar it-tibdil fil-klima

Semma kemm-il darba liż-żgħażagħ għaliex Delia qal li dak li qed isir illum jistgħu isalva lid-dinja għal ġenerazzjonijiet futuri.

Rapport tal-inkjesta Egrant

Dwar dak li ħareġ mill-Qorti dwar it-tliet Ministri Konrad Mizzi, Edward Scicluna u Chris Cardona, Adrian Delia qajjem il-mistoqsija dwar jekk huma għandhomx f’idejhom ir-rapport tal-inkjsta Egrant li ħlief għall-konklużjonijiet tiegħu tħalla sigriet.

Spjega li fil-Qorti it-tliet Ministri kkwotaw mir-rapport ta’ inkjesta iżda mill-parti li tħalliet sigrieta u li l-Avukat Ġenerali qal li huma m’għandhomx kopja tiegħu.

Tkellem ukoll dwar il-laqgħat li kellu Brussell għas-summit tal-Partit Popolari Ewropew fejn Delia tkellem dwar l-immigrazzjoni u qal li ressaq diversi suġġerimenti dwar kif pajjiżi kbar jistgħu jgħinu pajjiżi żgħar bħal Malta.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni mistenni jagħmel id-diskors b’replika għall-baġit fil-Parlament nhar it-Tnejn li ġej.