Ġuvni ta’ 15-il sena jweġġa’ serjament f’inċident tat-traffiku

Żagħżugħ ta’ 15-il sena, qiegħed isofri minn ġrieħi serji wara li lbieraħ filgħaxija kien involut f’inċident tat-traffiku.

Kienu għall-ħabta tal-11:15 pm x’ħin il-Pulizija ġiet infurmata li hemm bżonn l-assistenza tagħha f’Ta’ Qali, fejn id-Dog Park.

Il-Pulizija tad-Distrett marru minnufih fuq il-post, fejn minn investigazzjonijiet preliminari li saru rriżulta li, ġuvni ta’ 17-il sena kien qiegħed isuq vettura tal-għamla Renault Zoe, tilef il-kontroll u ħabat ma’ ħajt. Fil-vettura miegħu kien hemm ukoll erba’ passiġġieri; tliet ġuvintur, tnejn ta’ 15-il sena u ieħor ta’ 16-il sena  u tfajla ta’ 17-il sena.

Wieħed mill-ġuvintur ta’ 15-il sena weġġa’ serjament u ttieħed l-Isptar għall-kura. Hu ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi serji.

Bil-każ ġie infurmat l-Magistrat tal-Għassa Dr Victor Axiaq li ordna li ssir inkjesta u ħatar diversi esperti biex jassistuh.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett.