Ġuvni fil-periklu tal-mewt wara inċident tat-traffiku

Ġuvni ta’ 20 sena residenti Santa Venera, jinsab fil-periklu tal-mewt wara li kien involut f’inċident tat-traffiku fi Triq Sir Temi Żammit, l-Imġarr.

Jidher li l-ġuvni kien qed isuq fid-direzzjoni lejn iż-Żebbiegħ meta għal xi raġuni tilef il-kontroll tal-vettura bil-konsegwenza li mar fuq in-naħa l-oħra tat-triq fejn ħabat ma’ crash barrier u ma’ parapett ta’ residenza privata.

Fuq il-post issejħet mill-ewwel ambulanza li ħadet liż-żagħżugħ l-Isptar Mater Dei fejn għall-ewwel ġie ċċertifikat li ġarrab ġrieħi gravi imma ma’ kienx fil-periklu tal-mewt.

Sfortunatament ftit tal-ħin wara, l-kundizzjoni tiegħu qalbet għal waħda kritika u kien iċċertifikat li jinsab fil-periklu li jitlef ħajtu.

Sadanittant il-Maġistrat tal-Għassa ħatret diversi esperti biex jgħinuha fl-inkjesta.

Il-Pulizija għada qed tinvestiga l-każ.